“Fil-Budget 2023 instab bilanċ bejn il-ħtieġa li tingħata għajnuna lil dawk bi dħul baxx inkluż ħaddiema u pensjonanti kif ukoll dawk vulnerabbli f’mument fejn l-għoli tal-ħajja qed jinħass sew.”
Iddikjara dan il-Prof. Philip von Brockdorff, ekonomista u Viċi Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, Accountancy u Management, f’kummenti li ta lil dan is-sit dwar il-Budget 2023 li kien ippreżentat it-Tnejn mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana.
Il-Prof. Brockdorff sostna li huwa evidenti li l-għan ewlieni li tinżamm stabbiltà ekonomika u soċjali se jintlaħaq ukoll permezz tal-intervent ta’ €600 miljun sabiex il-prezzijiet tal-enerġija b’mod partikolari ma jogħlewx, nefqa li tlaħħaq għal madwar 10% tal-Budget.
Huwa kompla biex spjega li l-Budget jiffoka ukoll fuq żewġ oqsma importanti biex l-ekonomija tkompli tikber: il-qasam diġitali u dak ambjentali u dan permezz ukoll ta’ fondi Ewropej mill-programm ta’ Rkupru u Reżiljenza.
“Naturalment it-tkabbir ekonomiku fis-sena 2023 ta’ 3.5 fil-mija jista’ ma jintlaħaqx jekk il-kriżi fl-Ukrajna teskala iżda naħseb li r-rata ta’ tkabbir għal 2023 hi waħda realistika.
“Hu minnu li qed nistennew żieda oħra fir-rati tal-imgħaxijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew imma din mhux neċessarjament ikollha effett kbir fuq l-investiment u konsum f’pajjiżna,” qal il-Prof. Brockdorff filwaqt li semma n-numru ta’ turisti għas-sena d-dieħla hu mistenni jitla’ għal 2.3 miljun u dan żgur se jħalli effett pożittiv fuq l-ekonomija.
Huwa tenna jgħid li jħoss li dan il-Budget qed jindirizza l-isfida ewlenija u immedjata li għandha l-Ewropa bħalissa b’kuraġġ iżda b’attenzjoni biex tinżamm l-istabbilità makroekonomika.