Sunday, December 22, 2024

“Int ir-raġuni, il-forza u l-motivazzjoni tiegħi … Għandi bżonnok ħafna iktar milli nista’ nfisser bil-kliem!”

Messaġġ pożittiv minn omm ta' tifla bil-kundizzjoni tad-Downs Syndrome

Aqra wkoll

Ir-realtà tal-ħajja ġġib magħha tiżwiq ta’ mumenti negattivi u oħrajn pożittivi. Xi drabi, iżjed minn oħrajn, inħallu n-negattività tirkibna u tegħleb il-pożittività li nkunu mdawrin biha f’ħajjitna. Biżżejjed tiġina xi ġurnata iebsa x-xogħol, jew inkella nġarrbu xi diżappunt għax ma jkunx irnexxielna nilħqu wħud mill-aspettattivi li jkollna.

Però, minkejja dawn il-mumenti diffiċli li niltaqgħu magħhom, għandna nibqgħu għaddejjin b’ħajjitna billi niftakru fis-sabiħ tal-ħajja; ir-raġuni ewlenija għalfejn m’għandniex naqtgħu qalbna meta l-ħajja ssawwatna bl-ostakli. Kien dan il-messaġġ li xtaqet twassal il-mamà ta’ Faith, omm ta’ tifla bil-kundizzjoni tad-Downs Syndorme, permezz ta’ kitba li qasmet fuq il-paġna “Up & Up with Faith” f’dawn l-aħħar sigħat.

Hija fissret li r-realtà hija dik li hi, għal kull wieħed u waħda minna: “Jiġu ġranet fejn lanqas inkun niflaħ inqum filgħodu bl-għeja u l-uġigħ kroniku ta’ kuljum. Aħseb u ara kemm ikolli aptit inqum meta niftakar li quddiemi għandi ġurnata ġiri, xogħol, tqandil u elf ħaġa oħra. Ikolli aptit nerġa’ nagħlaq għajnejja u norqod!”

L-omm fil-messaġġ tagħha tkompli tgħid illi minkejja dan kollu, iċ-ċkejkna bintha Faith tfakkarha kemm għandha tkun grata u kuntenta: “Imma mbagħad niftakar fir-raġuni għalfejn ma nistax nagħmel hekk: Faith … Hi tfakkarni kemm hi raġuni valida u sabiħa, kemm ħajjitna biha fiha hija mimlija u diffiċli imma fl-istess ħin qatt ma kellna qalbna mimlija daqshekk!”

L-omm ittemm il-messaġġ tagħha b’dan il-kliem: “Faith, int ir-raġuni, il-forza u l-motivazzjoni tiegħi. Bis-saħħa tiegħek jiena nqum fuq saqajja u ngħix. Inti għandek bżonni imma jien għandi bżonnok ħafna iktar milli nista’ nfisser bil-kliem!”

Ekonomija

Sport