“Int qtiltni”. Dan kien il-kliem li ddomina u li ħareġ minn fomm vittma ta’ abbuż sesswali minn qassis. L-abbuż kien seħħ xejn inqas minn tletin sena qabel, imma t-trawma u t-tbatija baqgħet xorta tinħass.
Fi proċeduri legali li kienu għaddejjin fil-Qorti ta’ Cincinnati, qassis ammetta li kien stupra abbati lejn l-aħħar tas-snin tmenin u l-bidu tas-snin disgħin. Hu għamel din l-ammissjoni proprju jum qabel kelllu jibda il-ġuri tiegħu.
Waqt din l-ammissjoni, dawk preżenti irrimarkaw kif il-qassis Rev Geoff Drew ma wera ebda emozzjoni fil-Qorti lejn il-vittma tiegħu li llum għandu ftit aktar minn erbgħin sena. Il-mara tar-raġel ma naqsitx li anki hi tirrimarka kif ir-raġel ġie affettwat minn din it-trawma.
“Int qtiltni. Jien għaddejt minn infern”, kien dak li qal il-vittma lill-qassis. Il-mara tar-raġel tgħid li r-raġel għal ħafna snin kien iħoss kien kellu tort ta’ dak li ġara.
“Hu jaħseb li kien dgħajjef b’hekk ġralu hekk. Jaħseb li tħalla waħdu. Jaħseb li ħadd ma kien iħobbu”, iddikjarat il-mara.
Wara li ammetta l-qassis weħel seba’ snin ħabs u dan wara ftehim fejn anke l-vittma kien konsultat dwar il-piena.
L-Imħallef Leslie Ghiz qal lil Drew li għandu jirringrazzja għal dan il-ftehim għax li kieku sar il-ġuri u nstab ħati hu kellu ċans li jispiċċa l-bqija ta’ ħajtu l-ħabs.
Wara l-Arċidjoċesi ħabbret li Fr Drew mhux se jkun jista’ jqaddes jew jamministra sagramenti.