Friday, December 27, 2024

“Intajjarlek rasek quddiem missierek … kollha tpattuha”

Parti oħra mix-xhieda ta’ Alessia, oħt Bernice Cassar

Aqra wkoll

Alessia f’parti mix-xhieda tagħha qalet li l-vittma kienet stqarret magħha li “Ma tafx kemm-il darba ħalef (l-akkużat) li ried ipattiha lil kulħadd. Kienu għaddew ftit jiem biss minn dak l-episodju li lit-tifel qallu li sal-Ħamis ikun il-ħabs.

“Frażijiet li kienu jinkwetawna immens: waħda minnhom intajjarlek rasek quddiem missierek; jekk it-tfal ma ngawdihomx jiena ma jgawdihom ħadd; nagħmel waħda li tibqa’ tissemma u la jien u lanqas inti ma ngawdu t-tfal”. Dawn l-aħħar frażijiet kienu jinkwetaw ħafna lil Bernice għax kienet tibża’ li jagħmel xi ħaġa lit-tfal biex issofri hi”.

Ix-xhud semmiet ukoll li fl-20 ta’ Novembru li għadda, Roderick Cassar kien tefa’ post fuq Facebook fejn kiteb “Revenge is a must.” Hija kienet għaddietu lil Bernice u din tal-aħħar ċemplitlu biex ineħħih. “Niftakar kienet għamlet il-mobile handsfree. Il-vuċi tiegħu ma nistax inneħħiha minn moħħi u qal: “B’daqshekk? X’fiha ħażin? Iva, kollha tpattuha. It-tnejn li intom tpattuha”. 

Tgħid li Bernice kienet qaltlu: “Neħħiha, għax se nagħmel rapport fuqha u kellmet lill-avukata tagħha u minn hemm sar kuntatt mal-Ispettur Audrey Micallef biex jgħarrfuha.”

Il-każ ikompli f’Ġunju.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Shawn Pawney, Wayne Camilleri u Paul Camilleri megħjuna mill-Avukati Angele Vella, Anthony Vella u Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

L-Avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi qed jassistu lill-imputat.

L-Avukati Stefano Filletti, Marita Pace Dimech Anne Marie Cutajar u Rodianne Sciberras dehru parte civile għall-familjari tal-vittma.

10:30 A.M. Hi u wliedha kienu mbeżżgħin minn Roderick … kienet tħossha li tilfet kull kontroll ta’ ħajjitha

F’waħda mit-telefonati li Bernice kien ikollha m’oħtha Alessia kull nhar ta’ Sibt, il-vittma qaltilha li “Qed inħoss li posti m’għadux id-dar. Qed inħossni mbeżża’ f’dari stess u anke t-tfal qed jibżgħu minnu”. Dan ħareġ mix-xhieda ta’ oħt il-vittma stess waqt il-kumpilazzjoni kontra Roderick Cassar dwar il-qtil ta’ Bernice f’Novembru li għadda.

Fix-xhieda tagħha, Alessia qalet li fl-istess episodju, oħtha kienet talbitha parir dwar x’għandha tagħmel f’din is-sitwazzjoni. Ir-risposta t’Alessia kienet li “Ma jistax ikollok dan it-tip ta’ theddid f’darek“.

“Kien hemm drabi fejn kien jidħol fl-4:00 a.m. … kien qisu joħroġ il-frustrazzjoni tiegħu fuqha. Ġieli refa’ jdejh, skont ma tgħidli hi. Kien hemm episodji fil-passat. Il-problemi kienu ilhom li bdew,” qalet Alessia.

Ix-xhud qalet li oħtha kienet imbeżża’ għax bdiet tħossha li tilfet kull kontroll ta’ ħajjitha; ma kinitx tħossha libera li tmur fejn ikollha bżonn jekk ma jkollhiex lil uliedha magħha, tant li Bernice kienet waslet f’sitwazzjoni li lanqas toħroġha waħidha għax Roderick ma kienx kapaċi jżomm lit-tfal waħdu.

Ekonomija

Sport