Monday, April 29, 2024

Xhud jidentifika l-vann li minnu waqa’ kannestru mimli żebbuġ fit-triq

Jibda jinstema’ l-każ dwar il-mewt ta’ Marie Claire Lombardi

Aqra wkoll

L-investigazzjonijiet dwar il-mewt traġika ta’ Marie Claire Lombardi, meta skiddjat bil-mutur fuq iż-żebbuġ li kien waqa’ minn vettura, ħadu żvolta wara li persuna li nzertat kienet għaddejja mill-inħawi identifikat il-vann minn sticker partikolari li kienet imwaħħla fuqu.

Id-dettalji dwar kif il-pulizija rnexxielhom jaslu għas-sewwieq tal-vann ingħataw fil-Qorti hekk kif bdiet tinstema’ l-kawża kontra Joseph Cortis ta’ 79 sena minn Ħad-Dingli li jinsab mixli bil-qtil involontarju ta’ Lombardi. L-inċident seħħ fit-22 ta’ Ottubru li għadda qrib ir-roundabout li tinsab bejn Triq is-Saqqajja u Triq l-Imdina, ir-Rabat. 

L-Ispettur Roderick Attard spjega li wara li seħħ l-inċident kienu interrogati numru ta’ persuni li jaħdmu fit-tagħsir taż-żebbuġ. Sadanittant, ir-raġel tal-vittma kien ukoll appella biex kull min għandu informazzjoni li setgħet tgħin biex ikun identifikat is-suspettat responsabbli mit-tixrid taż-żebbuġ jersaq ‘il quddiem u jkellem lill-pulizija.

Kien f’Diċembru li għadda meta seħħet żvolta f’dan il-każ wara li raġel kien informa lill-pulizija b’dak li kien ra waqt li kien qed isuq fl-imsemmija roundabout. Dan ix-xhud semma vann Isuzu ta’ lewn blu, li kellu sticker partikolari u li saħansitra kien penġa biex jiftakar aħjar. “Dak fil-fatt kien il-vann li minnu waqa’ kannestru mimli żebbuġ,” qal ir-raġel li identifika wkoll lix-xufier tal-vann minn ID parade li saret mill-pulizija. 

Sussegwentement il-pulizija ħarġu mandat t’arrest u Cortis ġie arrestat fejn anke saret tfittxija fir-residenza tiegħu. Saret ukoll tfittxija fl-imsaġar taż-żebbuġ li huwa kien jieħu ħsieb f’Ħabel Bellu filwaqt li l-vann tiegħu ġie kkonfiskat. 

L-espert Mario Buttigieg ikkonferma li t-tgħaffiġ taż-żebbuġ kien wassal biex it-triq tkun tiżloq, u kienet din il-kawża primarja tal-inċident. Sewwieqa oħra kienu wkoll informaw lill-pulizija dwar xufier ta’ vann li kien waqqa’ kannestru żebbuġ.

Intant, l-Avukat Difensur staqsa lill-Ispettur Attard dwar żewġ vetturi oħra li kienu qed iġorru ż-żebbuġ u li għaddew minn dik iż-żona waranofsinhar u jekk il-pulizija kinitx tkellmet max-xufiera ta’ dawn il-vetturi.

L-Ispettur iċċara li diversi persuni kien u ddeskrivew vann blu Isuzu u d-deskrizzjoni tagħhom ma kinitx taqbel mal-vetturi l-oħra. 

Lejn tmiem ix-xhieda tiegħu, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ddikjara li kien hemm biżżejjed provi prima facie biex l-imputat jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.

Il-każ ikompli x-xahar id-dieħel.

L-Avukati Patrick Valentino u Jacob Magri qed jidhru għall-imputat. 

Sport