Tuesday, April 30, 2024

Camilleri sofra ġrieħi ħfief meta ntuża t-taser fuqu … tabib iċċertifikah tajjeb għall-Qorti

Tkompli l-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Pelin Kaya

Aqra wkoll

Kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Jeremie Camilleri li jinsab mixli bil-qtil ta’ Pelin Kaya, wara li allegatament saq għal fuqha u tajjarha aktar kmieni din is-sena.

L-ewwel xhud fis-seduta kien l-Ispettur Shamus Woods li ppreżenta ċ-ċertifikat tal-mewt tal-vittma kif iċċertifikaha Dr Kurt Apap. Woods qal ukoll li l-imputat kien sofra minn ġrieħi ħfief meta intuża it-taser fuqu u li rigward dan kollu hemm ċertifikat li jikkonferma dan. 

Xehed ukoll it-tabib Dr. Chris Rolé. Huwa kien iċċertifika li l-akkużat kien f’qagħda tajba biex jattendi l-Qorti.

Sadanittant, xehdu wkoll diversi ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Huma qalu li dakinhar tal-inċident, għall-ħabta tas-1.00 a.m., kienu informati b’inċident fl-Imsida.

Qalu li meta marru fuq il-post raw lill-vittma mixħuta mal-art u għenu biex itellgħuha fl-ambulanza. Dan filwaqt li qalgħu l-batterija tal-karozza li kien qed isuq Camilleri u naddfu xi żejt minn mal-art li ħareġ mill-istess karozza.

Fil-Qorti kellha tixhed mara wara li fl-aħħar seduta ma nsabitx minkejja li nħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tagħha. Kellhom jixhdu wkoll żewġ tobba, li wieħed minnhom baqa’ ma deherx minkejja li ġie innotifiikat, filwaqt li l-ieħor inqabad fuq xogħol u mistenni jixhed fis-seduta li jmiss. 

Il-Maġistrat Rachel Montebello ppresediet il-każ, filwaqt li il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kurt Zahra u Shamus Woods bl-għajnuna tal-avukat tal-AĠ Kayleigh Bonnett.

L-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin dehru għal Camilleri mentri għall-familjari tal-vittma dehru l-avukati Charlon Gouder, Ramona Attard u Shazoo Ghaznavi.

Is-seduta li jmiss se ssir fis-17 ta’ Mejju fil-11.00 a.m. 

Sport