Tuesday, May 14, 2024

Inter jiddominaw lil Milan u jirbħu s-Super Cup Taljana

Aqra wkoll

Inter iddominaw il-finali tas-Super Cup Taljana, fil-King Fahd Stadium, f’Riyadh, biex għelbu lir-rivali eterni Milan bl-iskor ta’ 3-0 … biex b’hekk rebħu dan l-unur għat-tieni darba konsekuttiva.

F’din il-partita ġiet introdotta teknoloġija semi-awtomatika tal-offside u se tintuża fis-Serie A kollha mill-ġimgħa d-dieħla.

In-Nerazzurri kellhom bidu tajjeb meta wara 10 minuti huma fetħu l-iskor minn Federico Dimarco wara li rċieva mingħand Nicoló Barella. 

Fil-21 minuta, id-difiża Milanista nqabdet fuq sieq waħda meta free-kick mogħti malajr lejn Edin Dzeko li minn pożizzjoni angolata rnexxielu jegħleb lill-goalkeeper Ciprian Tatarusanu.

Fil-25 minuta l-istess Tatarusanu salva lil Milan fuq kanunata tremenda ta’ Dimarco. 

Fit-tieni taqsima, ir-Rossoneri ppruvaw jagħmlu reazzjoni iżda sabu quddiem difiża attenta u organizzata biex naqsu milli jsibu t-triq lejn ix-xibka avversarja. 

Fis-77, Lautaro Martinez qatel kull tama għal Milan meta ħarab il-kustodja ta’ Fikayo Tomori u kkonnettja mill-pass ta’ Milan Skriniar billi dawwar il-ballun għal ġox-xibka. 

L-aqwa ċans ta’ Milan wasal fil-ħin miżjud meta Ante Rebic ra l-cross-shot tiegħu jaħbat mal-mimduda.

Sport