Monday, May 13, 2024

Intervista mal-goalkeeper tat-team nazzjonali Taljan tal-waterpolo Marco del Lungo

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Din l-imħabba lejn l-isport sabiħ tal-waterpolo  bdiet ħafna snin ilu u kien in-nannu tiegħi li ħeġġiġni naqbad din il-logħba.

Hu emmen ħafna fija u bis-saħħa tiegħu ġibt ħafna kunfidenza fija nnifsi għalkemm dejjem għallimni li nżomm saqajja mal-art.

In-nannu tiegħi minn dejjem kien iħobb il-waterpolo u kien għalhekk li ħeġġiġni sabiex nipprova xortija f’dan l-isport. Irrid ngħid li qatt ma ġiegħlni iżda ħajjarni biss. Niftakarni ndur minn pixxina għall-oħra nara lin-nannu jitħarreġ u jilgħab il-logħob tal- kampjonat matul tmiem il-ġimgħa. Jien kont insegwih b’ċertu interess.

Aktar tard bdejt niżviluppa l-ħiliet tiegħi f’dan l-isport u dħalt ta’ spiss fl-ewwel seba’ tat-timijiet li lgħabt magħhom. Għamilt 10 snin nilgħab ma’ AN Brescia sakemm riċentement ingħaqadt ma’ Pro Recco.

Kelli x-xorti nilgħab ukoll mat-team nazzjonali Taljan fejn hemmhekk ukoll irbaħt xi unuri importanti għal­kemm xejn ma kont kuntent b’dak li ġara fl-aħħar logħob Olimpiku li sar f’Tokjo.

Kemm hu importanti li player tal-waterpolo ikun ukoll għawwiem tajjeb?

Naħseb fil-logħba moderna huwa kruċjali li player tal-waterpolo ikun għaw­wiem tajjeb. Dan se jkun żgur il-futur ta’ din il-logħba li saret ferm veloċi. Ma tantx għandek ċans taħseb għax trid tara x’se tagħmel bil-ballun filwaqt li tikkonkludi l-azzjoni fi spazju ta’ ftit sekondi.

Dan kollu jirrikjedi ħafna teknika fl-għawm. Jien nin­sab ixxurtjat li din it-teknika ġibtha bl-insistenza tan-nannu tiegħi iżda wkoll ta’ missieri li dejjem ħeġġuni biex nitgħallem ngħum kif suppost.

Taqbel mar-regoli l-ġodda li ġew introdotti fil-waterpolo riċentement?

Irrid ngħid li r-regoli l-ġodda ġabu problema għal ċerti players veterani sabiex jadattaw ruħhom għal din ir-realtá l-ġdida.

Jien personalment jogħ­ġ­buni dawn ir-regoli għax il-logħba saret waħda spettakolari u dinamika. Apparti li żdiedu l-goals, nemmen li dawn ir-regoli kienu pass ‘il quddiem lejn waterpolo aktar sabiħ.

Nitkellmu dwar it-team nazzjonali Taljan u l-aħħar parteċipazzjoni fil-logħob Olimpiku ta’ Tokjo. X’seta’ mar ħażin?

Huwa veru li ma tantx ibbrillajna fl-aħħar Olimpjadi minħabba xi raġuni jew oħra. Mill-ewwel deher li konna se nsibuha diffiċli sabiex nagħtu wirjiet tajbin.

Sinċerament ma nafx x’seta’ ġara, forsi konna psi­koloġikament mhux kunfidenti biżżejjed speċjalment fil-fażi ta’ eliminazzjoni diretta.

Hekk kif għaddew ftit ġimgħat minn dan l-avveniment, qed nevalwaw sew l-iżbalji li għamilna kemm b’mod individwali kif ukoll b’mod kollettiv.

X’kienu l-kliem tal-coach Sandro Campagna f’dan ir- rigward?

Anke l-coach qed jevalwa x’seta’ mar ħażin f’din iċ- ċirkostanza. F’dawn il-mumenti diffiċli titkellem u iktar ikun siewi li tagħmel evalwazzjoni sabiex fl-aħħar mill-aħħar toħroġ b’aktar soluzzjonijiet.

Iżda jekk naqilbu fuq mumenti aktar glorjużi, taqbel miegħi li t-tazza tad-dinja li rbaħtu fis-sena 2019 kienet l-aqwa waħda fil-karriera tiegħek?

Iva nikkonferma dan kollu! Kien tournament li diffiċli ninsih.

Fil-finali li ntlagħbet fi Gwangju fiċ-Ċina, konna rbaħna lit-team nazzjonali Spanjol 10-5. Aħna bħala Settebello, irnexxielna nik­tbu l-istorja hekk kif irbaħna dan l-unur għar-raba’ darba. Niftakar li konna ddominajna din il-partita u ftit tajna ċans lill-avversarji tagħna jagħmlu xi tip ta’ reazzjoni.

Il-familja tiegħi kienet kburija meta ratni nirċievi l-midalja tad-deheb, l-iktar  in-nannu li kien ferħan u sodisfatt li dak li għamel għalija tah il-frott.

Fl-istaġun li għadda int lgħabt ma’ AN Brescia fejn irnexxielkom tirbħu l-kampjonat. Kemm kienu ta’ sfida Pro Recco li ironikament issa huma l-club tiegħek?

Kienet sfida qalila ma’ Pro Recco, iżda aħna bħala Brescia konna ferm kumpatti filwaqt li dejjem żammejna l-konsistenza tagħna. Irnexxielna nagħmlu xi ħaġa kbira wara li għal diversi snin dejjem wasalna fil-finali iżda għal xi raġuni jew oħra spiċċajna tlifniha.

Kif għedt int wara għaxar snin li kont nifforma parti mill-iskwadra ta’ Brescia, ftit tal-ġimgħat ilu bdejt sfida ġdida ma’ Pro Recco.

Semmejtha int stess din l-esperjenza ġdida li bdejt. Iżda x’se tħoss meta se tkun qed taffaċċja lill-ex kollegi tiegħek?

F’din il-logħba żgur li se jkolli emozzjonijiet kbar aktar u aktar meta se naffaċċja team li qattajt 10 snin miegħu. Madankollu jien nara li dawn huma esperjenzi li jgħaddi minnhom kull plejer u għalhekk trid tkun professjonali u tilgħab għall-kappa li tkun qed tilbes f’rasek. Se tkun okkażjoni partikolari li qed nistenna bil-ħerqa.

Kif sibt ruħek fl-ambjent il-ġdid tiegħek ma’ Pro Recco?

Sibt grupp ta’ players professjonali, ta’ ċertu kalibru iżda wkoll ħbieb ġodda li laqgħuni mill-ewwel. S’issa qed inħossni tajjeb ħafna magħhom u nittama li nagħti l-kontribut tiegħi sabiex it-team jirbaħ l-unuri li qed jimmira għalihom.

Taħseb li għandkom skwadra b’saħħitha biżżej­jed biex tirbħu l-Kampjonat, il-Coppa Italia u forsi anke l-LEN Champions League?

Jien nemmen fil-kwalitajiet ta’ dan it-team għax il- players fl-iskwadra qed juru għandhom l-għatx għar-rebħ u din hi kwalitá ferm importanti.

Taħseb li tkun interessat li tiġi tilgħab f’pajjiżna speċjalment fil-kampjonat tas- sajf jekk ikollok iċ-ċans?

S’issa ħadd ma kkuntattjani iżda jekk tiġini l-opportunitá naħseb li noħodha. Sabiħ li tmur tilgħab ġo pajjiż ieħor fejn il-kultura hi differenti u teħodha kontra players ta’ livell għoli.

Dan jgħin sabiex iżżid l-esperjenzi tiegħek filwaqt li ttejjeb dejjem aktar il-ħi­liet tiegħek.

Bħalissa tinsab f’kamp ta’ taħriġ hawn Malta. Kif qed tħossukom bħala plejers?

Bħalissa qed inħossni tajjeb ħafna. Malta togħġobni u kelli ċ-ċans inżurha diversi drabi kemm mal-ħbieb kif ukoll mal-familja. Kif għedtlek, tkun esperjenza interessanti li kieku niġi nilgħab hawnhekk għax il-Gżejjer Maltin jogħġbuni ħafna.

X’se jkun il-futur ta’ Marco del Lungo?

Nista’ ngħidlek li l-futur tiegħi għad irid jinkiteb għax fadalli nesperjenza diversi mumenti sportivi oħra.

Jien se nkompli nagħti l-impenn kollu tiegħi sabiex niżviluppa l-karriera tiegħi dejjem aktar.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lit-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista sabiex tgħidilhom fuq is- sbuħija ta’ dan l-isport u kif jgħinek b’mod ħolistiku fil-ħajja tiegħek.

Il-waterpolo jgħinek tikber dejjem aktar bħala persuna għax int tifrex l-ideat tiegħek u jgħinek taqbad orrizonti ġodda.

Issir aktar matur u dix­xiplinat filwaqt li fiżikament tħossok aħjar. Imbagħad meta int tkun ftit mistħi bħalma kont jien, il-waterpolo jgħinek sabiex toħroġ mill-qoxra u ssir aktar kunfidenti.

Barra minn hekk huwa importanti ħafna li tagħmel bosta sagrifiċ­ċji personali jekk trid tirnexxi f’dan l-isport.

Fil-ħajja xejn ma jiġi b’xejn u dej­jem importanti li titħarreġ bis-serjetá jekk verament trid tagħmel il-qabża għall-aħjar.

Sport