Sunday, December 22, 2024

Intervista mal-kit manager tat-team nazzjonali, Mark Piscopo

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-football?

Din l-imħabba lejn il-logħba tal-ballun bdiet sa minn etá żgħira.

Jien mill-Furjana u għalhekk ma jistax jonqos li jkolli t-team tal-lokal għal qalbi. Wara ħafna żmien nattendi għal-logħbiet ta’ dan it-team, darba ġie fuqi Ġużi Schembri, magħruf bħala t-”Tripolin” u qalli sabiex nagħtih daqqa t’id.

Dak iż-żmien hu kien il-bniedem li kien jieħu ħsieb il-flokkijiet tat-team u mingħajr ma ried beda jrawwimni f’dan ix-xogħol.

Wara numru ta’ snin inservi dan ir-rwol fi ħdan Floriana FC, ġejt avviċinat mit-team nazzjonali Malti sabiex naqdi dan ix-xogħol tant importanti.

Jien ħassejtni privileġġat li qalu lili tant li għadni sal-lum rikonoxxenti lejn kull president li tal-Malta Football Association u li baqgħu jitolbu għas-servizzi tiegħi.

Tista’ tagħtina iktar dettalji dwar l-esperjenza tiegħek bħala kit manager ta’ Floriana?

Niftakar li bdejt fil- kampjonat tal-ewwel diviż­joni minħabba li dak iż-żmien ma kienx għadu jeżisti l-Kampjonat Premier.

Dejjem kelli relazzjoni tajba ma’ kull player li libes il-flokk aħdar tal-club u fl-istess waqt dejjem tajt sehmi sabiex inħalli pożittivitá kull fejn immur.

Inqisu ferm importanti li jkun hemm atmosfera sabiħa fid-dressing room għax dik tkun parti mill- preparament għal-logħba tant importanti li jkun     imiss.

Fuq kollox ma nistax ma niftakarx il-kampjonat 1992/93 li rbaħna. Għadni niftakar il-ferħ li kien hemm Triq Sant’Anna u l-wirjiet tajbin li l-players ipproduċew f’dak l-istaġun partikolari.

Kif dħalt bħala kit mana­ger mat-team nazzjonali Malti?

Dak iż-żmien, kien hemm Dr George Abela bħala president tal-MFA li kien staqsieni sabiex nokkupa l-kariga ta’ kit mana­ger tat-team nazzjonali.

Jien ħassejtni ferm onorat li kellu jkellimni pro­prju Dr Abela u għalhekk irsistejt ħafna sabiex naqta’ figura tajba.

Għadda ż-żmien u l-qalb għat-team nazzjonali baq­għet tħabbat aktar minn qatt qabel.

Għalhekk meta kont stabilixxejt ruħi fix-xogħol tiegħi, l-MFA reġgħu kkuntattjawni u din id-darba kien Ivan Vella li riedni mmur mat-team taż-żgħa­żagħ ta’ Malta bħala kit manager.

Minn hemm qatt ma ħarist lura tant li issa ilni 11-il sena mal-kbar fejn bdejt ma’ John Buttigieg u wara sitt coaches wara biex issa qed naqdi dan ir-rwol ma’ Devis Mangia.

X’inhi d-diffrenza li tara bejn li tkun kit manager ta’ club għal dak ta’ team nazzjonali?

Jekk nitkellem dwar l-imħabba lejn it-team, din tibqa’ dejjem l-istess. Jien inzertajt  inħobb kemm lil Floriana kif ukoll lit-team nazzjonali u għalhekk il- qalb tibqa’ tħabbat għal dawn it-timijiet.

Id-differenza li forsi nara hi li mat-team nazzjonali ssiefer ta’ spiss u għalhekk trid tkun ferm organizzat u tara li ma tinsa xejn warajk.

Meta qed ngħid hekk, int trid tipprepara ħafna affarijiet u aċċessorji oħra relatati mal-football.

Trid tikkalkula għal skwadra ta’ 24 player. Hawn irrid insemmi lill-istaff l-ieħor li jgħinni bla waq­fien fosthom Frankie Ciantar li nqisu l-id il-leminija tiegħi.

Waħdi jkun ferm diffiċli li nlaħħaq u għalhekk bħala staff naraw li l-players ma jkun jonqoshom xejn.

Kif għedt tajjeb, int ħdimt ma’ diversi coaches differenti. Kif irnexxielek taqdi l-bżonnijiet tagħhom?

Irrid ngħid li kull coach għandu l-istil partikolari tiegħu. Jien kburi ngħid li dejjem kelli relazzjoni tajba magħhom u rajt sabiex naqdihom bl-aqwa mod possibbli.

Bħala kit manager tat-team nazzjonali Malti, lie­ma hi l-iktar logħba li tibqa’ tiftakar?

Hemm żewġ logħbiet partikolari li bqajt ngħoż­żhom sew f’qalbi.

L-ewwel logħba seħħet lura għas-sena 2013 meta waqt logħba ta’ kwalifikaz­zjoni għat-Tazza tad-Dinja 2014, Malta lagħbet mal- Armenja u konna rbaħna 1-0 fejn niftakar li kien Michael Mifsud li skorja l-goal rebbieħ, filwaqt li riċentement, il-Maltin kienu lagħbu kontra l-Latvja f’Riga u konna rbaħna 1-0 b’goal fis-96 minuta ta’ Steve Borg.

Dawk kienu mumenti ferm drammatiċi iżda wkoll storiċi li diffiċli tinsa.

Jiġifieri tikkonferma li logħba away tkun iktar diffiċli minn logħba home?

Iva nikkonferma dan kollu minħabba li hemm iktar xogħol, preparamenti u fuq kollox loġistikali jridu jsiru.

Bażikament ix-xogħol jibda minn filgħodu qabel ma tibda l-logħba sabiex imbagħad tliet sigħat qabel trid tlesti l-flokkijiet li bihom se jilagħbu l-players.

Ladarba tkun għaddiet il-logħba, dawn l-istess flokkijiet iridu jinġabru immedjatament aktar u aktar meta jkollna t-titjira eżatt wara.

Dan kollu ġara anke fil-logħba ta’ nhar it-Tnejn li għaddiet fejn ridna nħaffu sabiex nippakkjaw kollox. Għalhekk ngħidlek li hemm mas-sitt sigħat     xogħol bejn qabel u wara ta’ din l-istess logħba.

Naf li int ukoll kollezzjonist kbir tal-flokkjiet tat-team nazzjonali. Kemm hi kbira din il-kollezzjoni?

Ifhem, inħobb il-flokkijiet tal-football u l-kuluri varji tat-timijiet nazzjonali. Fuq kollox dan id-delizzju kompla nfirex u kuntent li qed inġemma’ dawn l-is­tess flokkijiet.

Hemm xi flokk favorit li hu għal qalbek minn dawk kollha li għandek?

Għandi żewġ affarijiet li huma ferm għal qalbi fosthom il-flokk tal-ex player ta’ Juventus, Milan u Inter Andrea Pirlo kif ukoll l-ingwanti tal-ex goalkeeper in­ternazzjonali Gianluigi Buffon.

Fuq kollox, kont taspira li tgħaqqad il-100 logħba mat-team nazzjonali Malti?

Iktar milli naspira, għalija dawn il-100 logħba jfissru ħafna. Waqt li kienet għaddejja l-logħba bejn Ċipru u Malta f’Larnaca, bejni u bejn ruħi bdejt ngħid kemm hu diffiċli għall-player tal-football jgħaqqad il-100 preżenza mat-team nazzjonali.

Dan minħabba li ġieli jkun muġugħ jew sospiż u għalhekk dan jaf ikun ta’ xkiel għalih. Fuq kollox, player irid jibqa’ konsis­tenti matul il-karriera tie­għu sabiex jasal għal dan it-tragward hekk sabiħ.

Personalment qatt ma ħarist lejn l-ebda tragwardi għax jien magħmul bħala bniedem umli u li nħobb inservi.

Dan kollu nagħmlu bil-qalb għax inħobbu ħafna dan ix-xogħol.

Madankollu ma nistax ma ngħidx li ma kontx ferħan ħafna li għaqqadt il-100 logħba bħala kit manager tat-tim nazzjonali.

X’se jkun il-futur tiegħek f’dan ix-xogħol?

Sakemm il-Bambin jagħ­tini s-saħħa lest li nkompli nservi lill-players tat-team nazzjonali Malti. Nixtieq inkompli naqdi dan ir-rwol għax kif għedtlek veru kun­tent.

Finalment hemm xi ringrazzjamenti li tixtieq tagħ­mel?

L-ewwel u qabel kollox, nirringrazzja lill-mara u lit-tifel tiegħi tal-paċenzja li jieħdu bija u tal-kuraġġ li dejjem jagħtuni.

Ma nistax ninsa lill- coaches kollha li ħdimt magħhom, l-istaff u l-players li libsu jew għadhom jilbsu l-flokk tant għażiż tat-team nazzjonali Malti.

Bla dubju, għandi me­morji li nibqa’ ngħożż.

Ekonomija

Sport