Sunday, December 22, 2024

Intervista mal-player tal-basketball Matthew Scerri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt il-basketball fost tant sport ieħor?

Il-ħajra għal dan l-isport beda minn meta kont nitla’ l-padiljun f’Ta’ Qali nara liż-żewġ kuġini tiegħi jilagħ­bu. 

Fis-sena  li  fiha  idde­ċidejt  li  rrid  nipprattika  dan  l-isport,  fl-etá  ta’  sitt snin,  kont  ukoll  bdejt  nip­prattika  l-football.

Madankollu, il-progress li kont qiegħed nagħmel fil-basketball minn dejjem kien ikbar u, meta ġie ż- żmien tal-għażla bejn iż-żewġ dixxiplini sportivi, inġbidt iktar lejn il-basketball. Minn dakinhar, skop­rejt passjoni kbira li kompliet tikber matul is-snin.

Li jkollok tiddeskrivi dan l-istagun għat-team tieghek, kif tiddeskrivih?

Dan  l-istaġun  qed jiż­volġi f’wie­­ħed ferm pożittiv.     

Għandna  team  pjuttost  ta’  eta’  zgħira  u  l-maġ­ġo­ranza tagħna ilna nilgħabu flimkien għal bosta staġuni.

Komplejna nibnu fuq l-affarijiet pożittivi li kel­lna minn l-aħħar żewġ staġuni, li sfortunatament kellhom jiġu mwaqqfa ħesrem min­ħabba l-pandemija. 

Flimkien mal-players ġodda li ingħaqdu mal-club kif ukoll dawk li telgħin mill-akkademja, qegħ­­din naħdmu lkoll biex nagħlqu l-istaġun b’diversi suċċessi. 

Naturalment, għad fad­lilna ħafna fuq xiex naħ­dmu ħalli logħba wara logħ­ba, nibqgħu nagħtu wirja tajba, kif ilna nagħmlu mill-bidu tal-istaġun.

Kif qed tħares lejn il-futur tat-team ta’ Starlites?

Il-futur ta’ Starlites, fil-kategoriji kollha miż-żgħar sal-kbar, huwa mfawwar b’potenzjal. Inħoss li l-coaches tal-akkademja  qegħdin  jagħmlu  xogħol  tajjeb  ferm  fl-iżvilupp  ta’  atleti  promettenti  li  xi  darba,  għad narawhom   jifformaw   parti   mit- timijiet   tal-kbar.     

Din   is-sena,   fl-iskwadra   maskili   tal-kbar,   rajna   l-introduzzjoni ta’ madwar erba’ atleti żgħażagħ li għamlu d-debutt tagħhom wara li ilhom telgħin mal-klabb għal diversi  snin. 

Nemmen  li  introduzzjo­nijiet  bħal  dawn  ser  inkomplu  naraw  minnhom   fit-team  ta’  Starlites, kemm fl-iskwadra maskili kif ukoll f’ dik femminili.

X’kienu l-esperjenzi li kellek sa issa mat-team nazzjonali tal-basketball?

Bħala atleta lokali, ħaġa li ta’ kull sajf inkun qie­għed ħerqana għaliha hija l-kompetizzjoni mat-team nazzjonali. 

L-ewwel esperjenza tiegħi mat-team nazzjonali kienet fl-etá ta’ 13-il sena fil-kategorija ta’ taħt is-16 -il sena.

Minn dakinhar, kelli x-xorti li nirrapreżenta lil pajjiżi tliet darbiet fil-kategorija ta’ Taħt is-16-il sena u darbtejn fil-kategorija  ta’  Taħt  it-18  il-sena. 

Is-sajf  li  għadda,  kelli  wkoll  l-ewwel  esperjenza  tiegħi  mal-iskwadra naz­zjonali tal-kbar fil-kompetizzjoni li saret fl-Irlanda, fejn irnexxielna niksbu anke l-midalja tal-bronż. 

Inħoss li esperjenzi bħal dawn huma ta’ benefiċċju kbir għall-karriera tiegħi u huma dawn l-opportunitajiet li fihom nista’ verament insarraf is-sagriffiċji kollha li nkun għamilt u it-taħriġ li nkun għaddejt minnu.

X’tikkummenta fuq il Malta  Basketball Association mmexxija mill-president ferm ħabrieki Pawlu Sultana?

F’ dawn l-aħħar snin, l- Assoċjazzjoni għamlet minn kollox biex il-basketball f’pajjiżna jkompli jikber u jiġbed iktar  nies  lejh. 

Inħolqu  wkoll  diversi  opportunitajiet  biex  atleti  żgħażagħ  jiġu  mħarrġa  biex  jikkompetu f’kompetizzjonijiet  internazzjonali  sabiex  ikomplu  jkabbru  l-livell  tat-talent  tagħhom. 

Bil-ħidmiet  fuq  il-padiljun,  li  ġie  renovat  is-sena  l-oħra,  flimkien  mal-introduzzjoni  tat-training  courts  ftit  tas-snin  ilu,  l- Assoċjazzjoni qed jirnex­xilha tippromwovi iktar dan l-isport mal-pubbliku, kif ukoll toħloq ambjent aħjar fejn aħna l-atleti nistgħu nilagħbu u jkollna is-sessjonijiet tat-taħriġ.

Naħseb li huwa essen­zjali għall-basketball Malti li x-xogħol min-naħa tal-Malta Basketball Association ma jieqafx hawn, imma jissokta b’inizjattivi ġodda  biex  ikompli  jogħla  l-livell  tal-logħba  tal- basketball  kemm  għall-atleti,  kif  ukoll  għall-pubbliku  li jinteressa ruħu fiha.

X’tikkummenta fuq ir- riżorsi u l-court il-ġdid fil-padiljun f’Ta Qali li fihom tilagħbu speċjalment  meta  kkumparati  ma’  dawk  li  tilagħbu  fihom  barra  minn  xtutna  mat-team nazzjonali?

Il-padiljun f’Ta’ Qali, li għadu kif ġie renovat b’uffiċini, dressings rooms ġodda, u żieda sostanzjali ta’ siġġijiet, ħoloq spazju għal iktar partitarji biex iku­nu preżenti għall-lo­għob. 

Barra minn hekk, huwa padiljun li kapaċi sew jospita kompetizzjonijiet internazzjonali. 

Riċentament, ġiet installata wkoll sistema li permezz tagħha jiġu tras­messi l-logħob tal-kbar b’mod dirett u din diġá wriet li kie­net ta’ benefiċċju kbir, speċjalment waqt din  il-pandemija.  

Mill-esperjenza  tiegħi  f’pajjiżi  barra  minn  xtutna,  nissokta  ngħid  li  l-padiljun  Malti jħabbatha tajjeb ma’ padiljuni barranin, speċjalment  ma’  pa­j­jiżi b’daqs u populazzjoni simili għal Malta. 

Riżorsi  oħrajn  bħat- training  courts  huma  ta’  importanza  kbira  fejn  jid­ħol  taħriġ  mal-iskwadra,  taħriġ personali, kif ukoll xi tournaments li jsiru għall-etajiet tal-mini-basket. Bil-padiljun prinċipa­li, kif ukoll bir-riżorsi dis­pon­nibli għall-pubbliku, inħoss li l-bżonnijiet tal-basketball Malti huma moq­­dijin sew. 

Kif qed thares lejn il-futur tiegħek?

Kieku kelli mmur lura fiż-żmien u nsaqsi din il-mistoqsija lili nnifsi, ma kontx nimmaġina li fl-etá ta’ 19-il sena  ħa  nkun  ilħaqt  il-livell  ta’  basketball  li  rnexxieli  nilħaq.  

Illum  il-ġurnata,  inħares  lejn  futur  fejn potenzjalment inkun qiegħed nipprattika dan l-isport barra minn Malta. 

Nittama ukoll li nkompli nieħu l-esperjenzi li jġibu mag­ħhom il-kompetizzjo­nijet nazzjonali sabiex ‘il quddiem, inkun nista’ inkun wieħed mill- players ta’esperjenza li jkunu jiffurmaw parti mill-iskwadra Maltija. Ma neskludix il-possibilitá wkoll li iktar tard matul il-karriera tie­għi, nkun qiegħed nieħu ħsieb skwadra żagħżuġħa bl-irwol ta’ coach. 

Tixtieq tgħaddi xi ringrazzjamenti partikolari?

L-ewwel ringrazzjament bla dubju għandu jmur lejn il-familja tiegħi, b’mod speċjali ommi u missieri. 

Is-sapport li huma juruni u l-motivazzjoni li jagħtuni biex inlaħħaq mal-basketball u l-istudju huwa fattur ferm importanti fil-karriera tiegħi. 

Nixtieq anke nirringraz­zja lil-coaches kollha li xi darba jew oħra għaddejt minn taħt it-tmexxija tagħ­hom u li tawni l-esperjenza ta’ logħob li kelli bżonn biex nasal sal-livell li qie­għed fih illum  il-ġurnata.  

Ma’  dawn,  nirringrazzja  wkoll  il-club  ta’  Starlites,  b’mod  speċjali  lil  Dr  Ivan  Riolo,  u  l-membri   tal-iskwadra   tagħna,   li   magħ­hom   għaddejt   minn   mumenti   ta’   telf   kif   ukoll   mumenti   ta’ ċelebrazzjoni.

Fl-aħħar u mhux l-inqas, nixtieq nirringrazzja lill- uffiċjali tal-logħba, il-ġurnalisti u l-uffiċjali kollha tal-Malta Basketball Asso­ciation, li mingħajrhom il-logħba tal-basketball f’Mal­­ta ma tkunx possibbli.

Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera fil-basketball?

Li  tifforma  parti  minn  skwadra  tal-basketball  hu­wa  impenn  ferm  kbir  u  teħtieġ  numru  sustanzjali  ta’ sagrifiċċji. 

Se jkun hemm mumenti matul il-karriera li wieħed jiddubita lilu nnifsu u sa­ħansitra jibda jaqta’ qalbu li jista jgħolli il-livell tie­għu. 

Huwa hawnhekk il-punt fejn għandek taħdem iktar minn ħaddieħor u toħloq ħin sabiex tmur titħarreġ b’mod personali. 

Bħal kull ħaġa fil-ħajja, xejn ma jiġi b’xejn. Jekk atleta irid jasal f’ dan il-livell u iktar, ma jistax jaħdem bl-aptit jew skont x’ jaqbillu. 

Dejjem ħa jkun hemm min ikun pass iktar ‘il quddiem minnek u dik il-ħaġa għandha timmotivak biex taħdem iktar u titjieb.

Ekonomija

Sport