Tuesday, December 24, 2024

Intervista mal-weightlifter Yazmin Zammit Stevens

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-weightlifting?

Jiena bdejt oriġinarjament fil-cross-fit li hu taħ­lita ta’ ħafna sports bħall- ġinnastika, endu­rance u  wei­­ght­lifting.

Però l-coach tiegħi Ro­derick Attard induna li kont ħafna aħjar fil-weightlifting u ħajjarni ħafna biex nibda dan l-isport.

Meta ppruvajt il-weightlifting ħadt gost ħafna. Meta ħadt sehem fl-ewwel kompetizzjoni tiegħi f’Mal­ta ġejt fl-aħħar post fil-kategorija femminili.

Għalija li tiġi l-aħħar mhux tajjeb għax jien kompetittiva ħafna, imma minkejja dan ir-riżultat kienet esperjenza li ħadt gost ħafna biha.

Lill-coach kont għedtlu li xtaqt nieħu l-weightlifting bis-serjetà u ddeċidejt li nieqaf mill-cross-fit u nibda weightlifting.

Id-deċiżjoni ħadtha flim­kien mal-coach u hu qabel miegħi u nkoraġġieni biex nibdew din l-esperjenza flimkien. Meta ngħid nibdewha t-tnejn flimkien qed infisser li kemm għalija u kemm għalih kienet xi ħaġa differenti għax hu kien coach tal-cross-fit u mhux tal-weightlifting biss. Bdejna nitgħallmu l-affarijiet flimkien u kbirna fl-isport flimkien.

Wara l-ewwel kompetizzjoni internazzjonali tie­għi, li kienet fil-logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-2016, bdejt nieħu l-isport tal-­weightlifting ħafna aktar bis-serjetà. Kulma kont ilni nittrenja għal din il-kompetizzjoni kienu erba’ xhur.

Tista’ tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek fl-Olimpjadi ta’ Tokjo?

L-esperjenza tiegħi fl- Olimpjadi kienet waħda speċjali u waħda li se nibqa’ niftakarha żgur għal ħajti kollha, speċjalment dak il-mument li rnexxieli nikseb ir-rekord nazzjonali fuq il-palk Olimpiku.

Peró, ma nistax nigdeb li kienet esperjenza fejn bżajt ħafna, tfajt ħafna pressjoni fuqi nnifsi għax ridt nikseb riżultat tajjeb għal pajjiżi speċjalmet wara s-sapport kollu li kelli matul dawn l-aħħar ftit snin.

Għalhekk speċjalment fl-ewwel ftit lifts kont nidher li kont eċċitata ħafna li mhux is-soltu tiegħi. Ħas­sejt ħafna l-pressjoni u l-istress ta’ kompetizzjoni ta’ dan il-livell peró l-fatt li xorta rnexxieli nagħmel rekord nazzjonali avolja kont qed inħosni kif kont qed inħossni, ninsab kburija mmens u nħossni li għa­milt unur kbir lil pajjiżi u dak kien dejjem l-għan.

Issa ninsab lura Malta, fejn ġejt milqugħa b’ ħafna sapport iktar minn qatt qabel li għalija huwa xi ħaġa speċjali mmens u minn hawnhekk għandi għani­jiet ġodda.

Peró, it-tragward ewlieni tiegħi rnexxieli niksbu u għalija, dan mhuwiex it- tmiem iżda bidu ġdid li ladarba ksibt dan l-għan nista’ tabilħaqq nikseb trag­­wardi kbar oħrajn.

Hawn min jgħid li l-weightlifting mhux addattat għan-nisa minħabba s-saħħa li jirrikjedi? Taqbel?

Naħseb li din hija mentalità pjuttost antika issa. Ma nagħtihomx tort li jaħ­sbu hekk għax forsi trabbew b’din il-mentalità u għadhom mhux jirrealizzaw kemm in-nisa jistgħu jkunu b’saħħithom ukoll. Isibuha diffiċli biex jemmnuha din il-ħaġa.

Kif tibda ssegwi l-isport tibda tinduna li n-nisa ve­rament mela jistgħu jkunu b’saħħithom u għandhom potenzjal. U ngħiduha kif inhi, din il-mentalità hija ħafna aktar mifruxa f’ġe­nerazzjonijiet antiki milli l-ġenerazzjonijiet tal-lum għax illum dan il-ħsieb qed jitnaqqas ħafna.

Hawn dil-mentalità ħażina li jittimbraw mara li tagħmel sport li jirrikjedi din it-tip ta’ saħħa bħala tomboy. Dan mhuwiex il-każ. Huwa sport li jirrikjedi ħafna saħħa u sport li taħsbu li jagħmlek aktar “raġel”. Imma meta naħseb fuq il-weightlifters nisa li hawn Malta – ħa nuża kelma bl-Ingliż – ninduna kemm huma “girly”.

Kemm jgħinek il-coach tiegħek u l-president tal- Malta Weightlifting Asso­ciation (MWA), Jesmond Caruana?

Iva, mingħajr Jesmond Caruana m’aħna xejn. Inqisuh bħala r-ruħ tal- weightlifting. L-isport ma jkunx l-istess mingħajr il-ħidma kontinwa tiegħu. Jaħdem ħafna u ma jiqafx.

Apparti li jikkowċjana l-ħin kollu, meta jmur id-dar jibqa’ għaddej u jidħol b’mod individwali fuq kull weightlifter. Jirriċerka x’kompetizzjonijiet nistgħu nagħmlu, x’riżultati għandna bżonn, x’għandna nagħmlu biex intejbu… Jgħidlek Yazmin x’għandha bżonn biex tmur għal dik il-kompetizzjoni.

Ġieli jiġi b’informazzjoni li ma nkunux nafu minn fejn ġabha.

Pereżempju darba għal Commonwealth Games, niftakru jaqbad il-riżultati tal-weightlifters tad-dinja kollha, ir-riżultati tal-kategorija tiegħek, tal-kompetizzjonijiet kollha li saru s’issa f’din is-sena, jit­fagħhom f’Excel Sheet u tkun tista’ tara int fejn qiegħda. Huma affarijiet li jagħmilhom f’temp ta’ ġurnata u nibda ngħidlu: “Kif irnexxielek tagħmel dan kollu?”

Jesmond jaħdem ħafna biex iżommna aġġornati, motivati u jagħtina miri realistiċi x’nilħqu. Apparti x-xogħol kollu li jagħmel bħala president tal-assoċjazzjoni u bħala coach imur oltre minn hekk, imur pass ieħor minn dak li jitlob minnu xogħlu.

X’inhi d-differenza bejn snatch u clean & jerk?

Snatch hija r-refgħa (lift) li ssir mill-art sa fuq rasek f’moviment wieħed mingħajr break. Il-clean & jerk tinqasam f’żewġ movimenti. L-ewwel ikun hemm ir-refgħa mill-art sal-ispallejn u wara li twaqqafha, il-weightlifter ikompliha sa fuq rasu.

Għalhekk fl-isnatch ma jkollokx waqfa, imma fil-clean & jerk trid tieqaf. Però din il-waqfa tgħinek biex terfa’ aktar u għalhekk bil-clean & jerk tista’ żżid aktar weights.

Kemm jirrikjedi sagrifiċċji dan l-isport?

Mill-ħruġ noqgħod lura. Nittrenja kull filgħodu mid-9.00 am sas-1.00 pm, nieħu brejk ta’ sagħtejn u nerġa’ nibda mit-3.00 pm sas-6.00 pm.

Wara niġi nagħmel klassi u nerġa’ nibda nipprepara l-affarijiet għall-għada.

Il-klassijiet nagħmilhom mit-Tnejn sal-Ħamis, il-Ġimgħa jkolli brejk, u s-Sibt nerġa’ nidħol.

Ir-raġuni li ma nagħmilx klassi l-Ġimgħa hi min­ħabba li l-programm tat-training tant huwa twil, li nispiċċa ma nlaħħaqx niġi u nagħmel klassi kif suppost. Il-Ġimgħa tkun dik il-ġurnata fejn minn filgħodu sa filgħaxija nkun il-gym. 

Sport bħal dan jinvolvi ammont kbir ta’ mpenn qawwi. Jekk tixtieq tieħdu bis-serjetà kif qed nagħmel jien u forsi tasal xi mkien fejn ħaddieħor qatt ma wasal, ħajtek trid iddur madwar l-isport.

Pereżempju għalkemm bħal-lum inkun rest, ma noqgħodx nitgħażżen nara t-televiżjoni, nagħmel sie­għa stretching, nagħmel kważi sagħtejn physio, inlesti l-affarijiet li jkolli bżonn għat-training, ngħi­du aħna nara xi ħwejjeġ hemm bżonn nieħu u nnad­daf iż-żarbun, nippjana l-ġimgħa ta’ wara u s-sessions kollha tal-klassi tiegħi tal-ġimgħa ta’ wara ħalli matul il-ġimgħa, peress li ma jkollix daqshekk ċans, inkun nista’ niffoka aktar fuq it-training.

Nagħmel ħafna affarijiet prattikament u mhux noqgħod naħli l-ħin għax hija ġurnata ta’ mistrieħ.

Kemm jinvolvi injuries sport bħal dan?

Jekk tittrenja kif suppost, tagħmel kollox kif suppost, iżżomm mal-programm, u ma terfax iktar milli jmissek, ir-riskji li tweġġa’ huma ħafna inqas. Imbagħad trid tagħti kas fatturi oħra, pereżempju trid tara x’jgħidlek il-phy­sio, in-nutritionist tiegħek, u tieħu s-supplements li hemm bżonn.

F’xi kompetizzjoni mba­għad hemm ukoll ir-riskji li jistgħu jiżdiedu. Xi kul­tant f’kompetizzjoni ma tismax is-sinjali li qed jagħtik il-ġisem tiegħek.

Jekk pereżempju tħoss xi ħaġa fi spallejk, fit-taħriġ tieqaf mill-ewwel imma f’kompetizzjoni tipprova tagħmel ftit aktar u ma tagħtix kas jekk xi parti minn ġismek tkun qed tagħtik xi sinjal biex tieqaf. Hija riskju li taffaċċja f’kull kompetizzjoni peress li tkun qed tagħti l-massimu tiegħek.

Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ, speċjalment lin-nisa li forsi qed isibu xkiel mill-ġenituri għax jgħidulhom li hu sport tal-irġiel?

Iridu jsiru jafu aktar affarijiet fuq l-isport biex ċerti sterjotipi jitkissru.

Mhuwiex sport tal-irġiel u mhux bilfors titlaħħam daqskemm wieħed jimma­ġina. Jien, pereżempju, tlift ħafna piż u mhux żidt, u nemmen li nidher aħjar fiżikament. Issodajt aktar lil ġismi.

Kemm jekk tagħmel il-weightlifting għall-gost kif ukoll jekk tagħmlu biex tieħu sehem f’kompetiz­zjonijiet, l-isport huwa tal-ġenn u għandu l-vantaġġi tiegħu.

Nispera li l-mezzi soċjali tiegħi jiksbu aktar popola­rità ħalli jirnexxieli nikkonvinċi aktar nies biex jibdew dan l-isport u jsiru jħobbuh bl-istess imħabba li nagħtih jien.

Ekonomija

Sport