“Inti l-aqwa ħabib tiegħi”: Il-ġurati jaraw ir-relazzjoni mill-qrib bejn Yorgen Fenech u l-eks deputat kummissarju Silvio Valletta

Il-ġurati llum raw sensiela ta’ messaġġi privati bejn Yorgen Fenech u l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, qabel il-Qorti semgħet ukoll xhieda relatata ma’ allegati xiri ta’ armi permezz tad-dark web u aktar evidenza forensika estratta minn apparat elettroniku.

Aqra wkoll

Is-seduta ta’ filgħodu fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech kienet iddominata minn evidenza elettronika rkuprata mill-apparat tal-imputat, bil-ġurati l-ewwel jiġu murija numru ta’ konverżazzjonijiet fuq Signal allegatament skambjati bejn Fenech u l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta.

Fost il-konverżazzjonijiet esebiti fil-Qorti kien hemm messaġġi li fihom it-tnejn iddiskutew laqgħat bejniethom, vjaġġ lejn Madrid u arranġamenti biex tinkera jet privat għall-mara ta’ Valletta. F’konverżazzjoni oħra, Valletta rrefera għal Fenech bħala “l-aqwa ħabib tiegħi”, filwaqt li l-ġurati ntwerew ukoll filmat irkuprat mill-mobile ta’ Fenech li juri lil Valletta wieqaf ħdejn Rolls Royce bajda f’dak li deher li kien garaxx f’Portomaso. Ġiet esebita wkoll ritratt ta’ Valletta estratt mill-mobile ta’ Fenech.

Waqt il-kontro-eżami, id-difiża staqsiet jekk xi waħda mill-konverżazzjonijiet bejn Fenech u Valletta kinitx tirreferi għall-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Ix-xhud wieġeb li le, u kkonferma wkoll li ma nstabet l-ebda komunikazzjoni bejn Fenech u l-investigaturi ewlenin Keith Arnaud jew Kurt Zahra. Madankollu, waqt ir-rieżami, il-prosekuzzjoni stabbiliet li Valletta kien is-superjur taż-żewġ investigaturi fiż-żmien rilevanti.

Aktar kmieni fis-seduta, il-Qorti semgħet argumenti legali dwar emails estratti mil-laptop ta’ Fenech li allegatament huma marbuta ma’ proċeduri separati dwar xiri ta’ armi tan-nar u oġġetti oħra pprojbiti permezz tad-dark web. Id-difiża argumentat li dan il-materjal kien jifforma parti minn proċeduri kriminali differenti u ma kellux jiġi ppreżentat lill-ġurati għax seta’ jippreġudika lill-imputat b’mod inġust. Il-prosekuzzjoni sostniet li l-emails diġà kienu jiffurmaw parti mill-atti tal-kawża, u l-Imħallef Edwina Grima ddeċidiet li l-evidenza kienet ammissibbli.

Il-Kuntistabbli tal-Pulizija Sven Sammut imbagħad kompla bix-xhieda tiegħu fejn esebixxa emails allegatament irkuprati mil-laptop ta’ Fenech. Il-ġurati raw skambji ta’ emails li jiddiskutu x-xiri ta’ armi tan-nar, fosthom pistola Glock, xkubetta awtomatika Scorpion, munizzjon u suppressor. Emails oħra kienu jirreferu għal pagamenti bil Cryptocurrency u għal dak li deher bħala attentat ta’ xiri ta’ potassium cyanide. Waqt il-kontro-eżami, ix-xhud ikkonferma li ma kienx ġie maħtur bħala espert tal-Qorti fir-rigward tal-email dwar il-potassium cyanide u li ma kienx ivverifika b’mod indipendenti l-awtentiċità tagħha.

Aktar tard xehed l-eks surġent tal-pulizija Brady Joe Zammit, li spjega li kien jagħmel parti mit-task force tal-pulizija responsabbli mill-estrazzjoni forensika tad-data mill-mobile ta’ Yorgen Fenech. Huwa qal li saru żewġ estrazzjonijiet separati minħabba li l-ewwel waħda ma rnexxilhiex tirkupra d-data ta’ Signal, filwaqt li t-tieni waħda rnexxielha tiġbed l-informazzjoni nieqsa. Zammit żied li l-mobile ta’ Fenech kien fih l-akbar volum ta’ data eżaminata matul l-investigazzjoni.

Sussegwentement, il-Qorti ntwerew aktar messaġġi estratti mill-apparat ta’ Fenech, inklużi konverżazzjonijiet fuq WhatsApp ma’ diversi kuntatti u aktar skambji fuq Signal.

Is-Surġent tal-Pulizija Josef Gerada mbagħad kompla bix-xhieda li kien beda nhar is-Sibt. Huwa qal lill-Qorti li kien analizza data estratta mill-mobile Samsung ta’ Melvin Theuma u identifika bosta konverżazzjonijiet permezz ta’ SMS bejn Theuma u Fenech li jmorru lura għall-2016, kif ukoll reġistrazzjonijiet ta’ telefonati li kienu jinvolvu lil Johann Cremona, Engelbert Mamo, Mario Degiorgio, Mario Tonna u lil Fenech innifsu.

Il-ġurati raw ukoll skambji fuq Signal bejn Theuma u Fenech, fosthom messaġġi fejn Fenech rassigura lil Theuma li kien se jibqa’ miegħu, ħeġġu jibqa’ kalm u qallu li jekk jibqa’ sod, “jistgħu jbusuli l-bajd”. Konverżazzjonijiet oħra kienu jirreferu għal tħassib li kienu qed jiġu osservati, diskussjonijiet dwar kif għandhom jippreparaw għal żviluppi possibbli u talbiet għall-flus. 

In-negozjant Yorgen Fenech, ta’ 44 sena, qed jiġi ġġudikat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u ta’ sħubija f’organizzazzjoni kriminali allegatament imwaqqfa biex twettaq l-assassinju.

Il-prosekuzzjoni tallega li Fenech iffinanzja l-pjan u kkomunika mal-eżekuturi tal-qtil permezz tal-allegat intermedjarju Melvin Theuma, allegazzjonijiet li Fenech jiċħad.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella, flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Id-difiża hija mmexxija mill-avukati Charles Mercieca, Gianella Demarco u Gianluca Caruana Curran, filwaqt li l-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jidhru parte civile f’isem il-familja Caruana Galizia. Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport