Friday, May 3, 2024

Investiment f’simulator li huwa l-ewwel tat-tip tiegħu għall-forzi tal-ordni f’pajjiżna

Aqra wkoll

It-taqsima tar-Rapid u Special Intervention Unit u membri oħra tal-Korp tal-Pulizija se  jsaħħu t-taħriġ tagħhom wara investiment f’simulator li huwa l-ewwel tat-tip tiegħu għall-forzi tal-ordni f’pajjiżna.

B’mod teknoloġiku u virtwali s-simulator joffri ċirkostanzi li jirriflettu aħjar is-sitwazzjonijiet reali li fihom ikunu meħtieġa jaħdmu l-pulizija. Fost oħrajn dawk ta’ serq, bullying u anke terroriżmu.

B’dan l-investiment it-taħriġ se jkun qed isir ukoll b’mod iktar sigur u ekonomiku.

Meta inawgura dan is-simulator, b’investiment ta’ €150,000, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, tenna li l-Korp tal-Pulizija jrid ikun fuq quddiem nett biex jirkeb fuq l-avvanz tat-teknoloġija bil-għan li jsaħħaħ it-taħriġ tan-nies tiegħu.

“Din miżura oħra tal-baġit li qed inwettqu. Ir-responsabbiltà tiegħi u tal-Gvern hija li nassiguraw li jsir l-investiment neċessarju biex il-Pulizija jkunu jistgħu jagħmlu xogħlhom b’mod effettiv,” sostna l-Ministru Camilleri li saħaq kif it-teknoloġija u l-infurzar tal-liġi jmorru id f’id. “Għalhekk il-prijorità fiż-żmien li ġej se tkun li nassiguraw li l-Korp ikun aktar effiċjenti, ippreparat u mgħammar biex iwieġeb għas-sejħiet li jsirulu minn żmien għal żmien.”

Il-Ministru elenka sensiela ta’ proġetti oħra li qed isiru mill-Korp tal-Pulizija u li mistennija jitlestew bejn din is-sena u l-bidu tas-sena d-dieħla fosthom żewġ għases ġodda. Qed isir ukoll xogħol fuq binjiet minn fejn se jibdew jaħdmu timijiet ġodda tal-Community Policing.

“Dawn huma lkoll ħoloq f’katina ta’ inizjattivi li għandhom iwasslu għal riforma b’saħħitha fil-Korp tal-Pulizija,” qal il-Ministru Camilleri.

Sport