Saturday, December 21, 2024

Investiment ta’ €2 miljun għal ġnien pubbliku sostenibbli

Aqra wkoll

Ix-xogħlijiet fuq investiment ta’ żewġ miljun ewro biex jiġi riġenerat Ġnien Spencer għal ġnien pubbliku sostenibbli se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin, ħabbar il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia. Il-ministru qal li dan il-proġett, li qed jiġi ffinanzjat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u minn Ambjent Malta, mistenni jitlesta sal-aħħar tal-2022. Ladarba jitlesta, Ġnien Spencer għandu l-għan li joffri esperjenza naturali immersiva.

Il-Ministru Farrugia spjega li se jinbnew tliet mixtliet tas-siġar bħala parti minn dan il-proġett biex jitkabbar stokk tas-siġar lokali biex jintużaw fi proġetti futuri. Huwa qal li x-xogħlijiet se jinkludu l-installazzjoni ta’ sistemi ġodda ta’ CCTV, it-titjib tal-ħafna punti ta’ aċċess għall-ġnien, xogħlijiet ta’ tisbiħ, water feature ġdid u t-tneħħija ta’ speċi aljeni invażivi li se jiġu sostitwiti bi speċi lokali. “Aħna naraw diversi benefiċċji soċjali u ekoloġiċi għall-ħolqien u għat-titjib tal-parkijiet u tal-ġonna fiż-żoni urbanizzati tagħna. L-infrastruttura ekoloġika b’mod ġenerali ġġibna eqreb lejn l-ambjent naturali u trawwem sens ta’ identità u benesseri fil-komunità filwaqt li ġġib ukoll benefiċċji ambjentali u ekonomiċi għall-komunità. Il-gvern qed jaħdem kontinwament biex itejjeb iż-żoni ħodor rikreattivi,” tenna l-ministru.

Il-Ministru Farrugia spjega wkoll li l-ġnien se jinkludi wkoll aspetti ta’ tisbiħ innovattiv b’bosta bidliet fl-elevazzjoni u ħajt aħdar li jnaqqas il-ħsejjes u b’hekk jgħin biex ikompli jtejjeb l-esperjenza li wieħed isir ħaġa waħda man-natura filwaqt li joffri wkoll soluzzjonijiet moderni bħal Wi-Fi. Il-ġnien ġie ddisinjat biex jilqa’ diversi attivitajiet mill-pubbliku, kemm jekk ikunu ħarġiet tal-familja, xogħol, jew għal divertiment u rilassament.

“Waqt il-proċess tal-ippjanar tal-ġnien, is-sostenibbiltà tpoġġiet fuq quddiem, b’ħafna miżuri u karatteristiċi tad-disinn li ġew ippjanati speċifikament biex itejbu dan. Bħala riżultat, serje ta’ ġwiebi, flimkien ma’ sistema ta’ ġbir ta’ ilma tax-xita se jiġu utilizzati biex jinżamm il-ġnien u jitnaqqas il-ħela tal-ilma. Pannelli solari u dawl enerġetikament effiċjenti se jiġu installati biex iżidu s-sigurtà u jimminimizzaw l-użu tal-enerġija,” qal il-Ministru Farrugia.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, il-Perit Michelle Piccinino, qalet li dan il-ġnien huwa, “Oasi ta’ ambjent naturali f’żona urbana assoċjata mat-traffiku u l-industrija, oasi li ser iservi sabiex inqarbu n-natura lejn il-ħajja ta’ kuljum tagħna għall-benefiċċju tal-komunitajiet u tal-familji, speċjalment dawk li jgħixu u li jaħdmu fl-inħawi.” Il-Perit Piccinino kompliet tgħid li l-awtorità ddeċidiet li din l-oasi se tkun iddedikata għal Guido Lanfranco, “Għax nemmnu li dan il-proġett jirrappreżenta dak li tant kien għal qalbu, l-importanza tal-għarfien fuq l-ambjent naturali u t-twaħħid tiegħu mas-soċjal”.

Guido Lanfranco kien pilastru tal-komunità Maltija li tippromwovi l-kultura, il-folklor u l-istorja naturali u l-edukazzjoni. Guido Lanfranco kien kontributur kbir għall-isfera ambjentali li ħoloq għarfien prezzjuż fuq il-ħtieġa tal-protezzjoni tal-ambjent tagħna u trażmetta din il-passjoni u l-imħabba tiegħu lil bosta nies, li wasslet għall-ħolqien ta’ istituzzjonijiet ambjentali f’pajjiżna li timxi wkoll fuq Enċiklika tal-Papa, ‘Laudato Si’ li tindirizza l-ġid komuni ta’ kulħadd. Fil-fatt, il-ġnien se jkollu wkoll mafkar li jirreferi għal din l-enċiklika. 

Ekonomija

Sport