Monday, May 13, 2024

Il-qagħda ta’ Pelé hija stabbli wara li ddaħħal fil-kura intensiva

Aqra wkoll

Ritratt: Instagram

Il-leġġendarju Brażiljan, Pelé, qed “tirkupra tajjeb” wara  li l-Ġimgħa ddaħħal fis-sala tal-kura intensiva wara li fil-jiem li għaddew saritlu operazzjoni biex jitneħħilu tumur fil-musrana.

L-IsptarAlbert Einstein,li jinsab f’Sao Paulo, ikkonferma li Pelé ddaħħal mill-ġdid fil-kura intensiva “bħala miżura preventiva”.

“Qed jirkupra tajjeb u fil-firxa normali,” qalet Kely Nascimento.

Huwa kien ilu jieħu l-kura l-isptar mill-31 ta‘ Awwissu wara li nstablu t-tumur f’testijiet ta’ rutina.

Rapporti tal-midja fil-Brażil kienu rrappurtaw li Pelé kien ammess mill-ġdid għall-kura intensiva bħala miżura ta’ prekawzjoni minħabba l-età tiegħu.

Iżda mbagħad inħarġet stqarrija li kkonfermat dan u żied jgħid: “Wara l-istabbilizzazzjoni, il-pazjent ġie trasferit għall-kura semi-intensiva.

“Bħalissa huwa jinsab stabbli mil-lat kardjovaskulari u respiratorju.”

Qabel ma ħarġet id-dikjarazzjoni tal-isptar, bintu kitbet fuq Instagram: “Ma nafx x’inhu għaddej bl-istejjer u bl-ispekulazzjonjiet!!

“Diġà hemm ħafna ansjetà madwar id-dinja biex kulħadd ikun jaf il-qagħda ta’ Pelé.

“Ix-xenarju normali ta‘ rkupru għal raġel tal-età tiegħu wara operazzjoni bħal din, kultant huwa żewġ passi ‘l quddiem u pass lura. Huwa normali ħafna.

“Il-bieraħ huwa  kien għajjien u għamel ftit pass lura. Illum ħa żewġ quddiem!”

Sport