Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia mill-ġdid ħabbret il-Fond għas-Soċjetà Ċivili (Civil Society Fund).
Dan il-fond jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ta’ għaqdiet f’fora Ewropej u internazzjonali. Dan jinkludi fondi għal kollaborazzjoni ma’ għaqdiet barranin, inkluż sħubija f’assoċjazzjonijiet, networks u konfederazzjonijiet, attendenza f’konferenzi u laqgħat, kif ukoll taħriġ fuq dimensjoni Ewropea.
Il-Ministru Farrugia spjegat kif b’kollox bejn l-2021 u l-2025 gawdew minn dawn il-fondi 413-il benefiċċjarju b’investiment totali ta’ €774,000. L-investiment f’dan il-fond baqa’ jiżdied kull sena, xi ħaġa li l-Ministru Farrugia ddeskriviet bħala sinjal ta’ fiduċja tal-Gvern fl-operat tal-organizzazzjonijiet volontarji. Il-baġit totali ta’ din is-sena għal dan il-fond huwa ta’ €200,000.
It-tnedija ta’ din l-iskema saret fis-sede ta’ The Duke of Edinburgh’s International Award Malta, għaqda li tibbenefika minn dan il-fond sabiex tattendi konferenzi internazzjonali. Dawn jipprovdu pjattaforma sabiex jiġu skambjati esperjenzi, kisbiet u l-aħjar prattiki bil-għan li jsaħħu x-xogħol tagħhom kemm lokalment u anki barra minn xtutna. Bħalissa 757 żagħżugħ u żagħżugħa jipparteċipaw f’programm li torganizza l-istess għaqda.
Waqt din iż-żjara, il-Ministru Julia Farrugia saħqet ukoll li huwa kruċjali li l-għaqdiet volontarji u dawk mhux governattivi ikollhom iċ-ċans jimirħu u jikbru permezz ta’ esperjenzi barra minn Malta u jġibu magħhom sett ta’ ħiliet ġodda għas-settur. “Fl-aħħar snin l-istrateġija tal-Gvern f’dan il-qasam kienet ta’ aktar investiment, u hekk se nibqgħu nagħmlu fis-snin li ġejjin.”
Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) stqarr li “dan il-fond jibqa’ popolari mal-għaqdiet u nieħdu pjaċir naraw parteċipazzjoni fuq livelli Ewropej u internazzjonali, fejn għaqdiet isibu opportunitajiet ġodda għall-ġid kemm tagħhom u anki tas-soċjetà tagħna”.
Kull applikazzjoni sottomessa tista’ tieħu sa massimu ta’ €6,000, li jkunu sa massimu ta’ 80% tal-ispejjeż eliġibbli. L-għaqdiet volontarji ser ikunu jistgħu japplikaw billi jżuru s-sit elettroniku vofunding.org.mt minn nofsinhar tal-Erbgħa 1 ta’ Lulju 2026 sa nofsinhar tal-Erbgħa 29 ta’ Lulju meta l-applikazzjonijiet jagħlqu. Ser issir ukoll laqgħa ta’ informazzjoni sabiex tgħin lill-applikanti matul il-proċess tas-sottomissjoni u ħalli jifhmu aħjar il-linji gwida.
L-iskema ta’ finanzjament tas-Civil Society Fund hija inizjattiva mmexxija mill-MCVS fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq vofunding.org.mt.

