Friday, December 13, 2024

Investiment ta’ €90,000 f’ħiliet tal-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili

Aqra wkoll

Jissokta l-investiment fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili hekk kif 36 uffiċjal qed jingħataw taħriġ fuq teknika marbuta mal-aċċess u mal-pożizzjonament tal-ħbula li jintużaw f’ċirkostanzi ta’ emerġenza. Permezz ta’ dan it-taħriġ, 6 uffiċjali ser jilħqu l-grad ta’ għalliem li ser iwassal biex fi żmien tliet snin, l-uffiċjali kollha tad-dipartiment ikunu mħarrġa f’din it-teknika.

Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri kellu l-opportunità li jsegwi mill-qrib sessjoni ta’ taħriġ u jitkellem mal-uffiċjali dwar l-esperjenza tagħhom.

Huwa saħaq li dan l-investiment huwa strumentali biex l-uffiċjali jimxu ’l quddiem u jipperfezzjonaw l-abbiltajiet tagħhom. “L-investiment fis-sigurtà ma waqafx f’pandemija u se jissokta fiż-żmien li ġej. Bħala gvern ser inkomplu nagħtu r-riżorsi kollha neċessarji biex il-Protezzjoni Ċivili tkompli tissaħħaħ,” qal il-Ministru Camilleri.

Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila, spjega li f’pajjiżna kien hemm diversi każijiet fejn tissokta operazzjoni ta’ salvataġġ minn post għoli bħal irdum u għaldaqstant, f’dawk iċ-ċirkostanzi, il-Protezzjoni Ċivili jeħtieġ li tuża l-ħbula bħala metodu ta’ salvataġġ hekk kif l-użu ta’ tagħmir ieħor ma jkunx possibbli.

Huwa qal li t-taħriġ qed jingħata skont standards internazzjonali u huwa l-ewwel darba li qed isir kors tax-xorta tiegħu fil-pajjiż.

Ekonomija

Sport