Ippjanati protesti kontra ż-żieda fil-prezz tad-dijżil… kriżi li mistennija ddum sa sena oħra… Malta bl-irħas prezz

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara diversi protesti li seħħew f’pajjiżi Ewropej minħabba żidiet qawwijia fil-prezz tad-dijżil, fil-jiem li ġejjin mistennija aktar protesti fi Franza u l-Portugal. Fl-Italja ukoll se jkun hemm protesti għalkemm dawn mhumiex marbutin biss mal-prezz tad-dijżil. Il-prezz tad-dijżil żdied b’xejn inqas minn 42.9 fil-mija f’sena u dan qiegħed joħloq problemi kbar lil operaturi tat-trasport. Il-prezz medju fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hu ta’ €2.24. F’Malta l-prezz hu ta’ €1.21-il litru, jiġifieri €1.03 irħas mill-media Ewropa. L-għola prezz għad-dijżil fl-Ewropa hu fid-Danimarka b’€2.54 għal kull litru u wara jiġu l-Finlandja u l-Olanda b’€2.52-il litru.

Il-prezz f’Malta hu irħis minħabba li jinżamm stabbli fis-sussidji. Il-prezz taż-żejt spiċċa għola b’mod qawwi minħabba diversi raġunijiet fosthom il-gwerra fil-Lvant Nofsani u t-tfixkil fil-provvista taż-żejt. Ma’ dan hemm in-nuqqasijiet fil-provvista tad-diesel u spejjeż ogħla tar-raffinar.

Id-domanda li qiegħda ssir imma hi kemm se jdum għoli l-prezz tad-dijżil? Bħalissa, mhux magħruf eżatt kemm se jdum jogħla d-dijżil iżda hemm sinjali li l-prezz jista’ jibqa’ għoli għal mill-inqas sena oħra.

Operatur li tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li “il-prezz taż-żejt beda jonqos wara li l-pajjiżi tal-G7 qablu li joħorġu aktar żejt u dijżil mir-riżervi tagħhom. Madankollu, il-provvista tad-diesel għadha taħt pressjoni u l-previżjonijiet huma li din il-kriżi fil-prezz għandha tul għal madwar sena”.

L-istess operatur jgħidilna li “llum hu ċar aktar minn qatt qabel li hemm bżonn ta’ aktar ħażniet u kapaċità ta’ raffinar. Mingħajr id-diesel, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni jsofru daqqa qawwija—tant li tiġi pperikolata l-ekonomija globali kollha. Hija kriżi li mistennija ddum mill-inqas sena, peress li mhux probabbli li l-prezzijiet jerġgħu lura għan-normal qabel dak iż-żmien. Naturalment, il-kawża tinsab fil-kriżijiet fl-Iran u fl-Ukrajna; dawn għollew l-ispejjeż iżda, aktar importanti minn hekk, naqqsu l-produzzjoni tal-fjuwil mir-raffineriji li saru miri ta’ attakki militari.”

Jispjega li “l-kwistjoni mhix biss il-prezz għal kull barmil, iżda l-iskarsezza tal-prodott raffinat. Il-kunflitt li jinvolvi lill-Iran u l-ħsara lir-raffineriji Russi neħħew id-dijżil mis-suq. Id-dijżil  jaġixxi bħala multiplikatur, ibda mit-trakkijiet sas-siti tal-kostruzzjoni, l-għelieqi sal-loġistika tal-portijiet. Iż-żidiet fil-prezzijiet jinfirxu mal-katina tal-provvista kollha u fl-aħħar mill-aħħar jgħollu l-prezz tal-oġġetti.”

Jgħidilna li hemm fattur ieħor u din hi d-dikjarazzjoni li għamel Trump. “Dan indika li jista’ jimblokka l-esportazzjoni tad-dijżil. Ovvjament jekk issir xi ħaġa simili, din ikollha effett qawwi fuq l-Ewropa.  L-Istati Uniti saret fornitur ewlieni għall-Ewropa, b’madwar nofs l-importazzjonijiet Ewropej joriġinaw minn hemm. Waqfien f’daqqa tal-provvista joħloq impatt qawwi għax dan kollu qed isir fi żmien meta r-Russja waqqfet l-esportazzjonijiet u ċ-Ċina rrestrinġiet il-vjaġġi ta’ prodotti raffinati.”

Il-protesti kontra ż-żieda fil-prezz

F’Settembru li għadda fil-Portugall saru protesti b’karozzi jdoqqu l-ħornijiet u sewwieqa jsuqu bil-mod biex jipprotestaw kontra l-għoli tal-fjuwil. Il-prezz tad-diesel hemmhekk laħaq €2.169 kull litru.   Fi Franza is-sajjieda imblukkaw portijiet u terminals taż-żejt, filwaqt li bdiewa għamlu dimostrazzjonijiet minħabba l-għoli tad-diesel. Fi  Spanja il-bdiewa qed jipprotestaw u jitolbu għajnuna minħabba ż-żieda fil-prezz tad-diesel agrikolu u l-fertilizzanti. Fl-Italja  hemm skuntentizza fost sewwieqa tat-taxi, trakkijiet u bdiewa, Fil-Polonja  l-operaturi tat-trakkijiet qed jitolbu miżuri biex jitnaqqas il-piż tal-prezz tad-diesel.  Fil-Ġermanja, is-settur tat-trasport qed jitlob għajnuna għall-ispejjeż tad-dijżil, filwaqt li l-gvern introduċa tnaqqis fit-taxxa fuq il-fjuwil.

Il-protesti mistennijin ikomplu fil-jiem li ġejjin. Fil-Portugall, bejn l-10 u t-12 ta’ Ottubru: kumpaniji tal-tow trucks/recovery qed jheddu waqfien totali jekk il-gvern ma jagħtix risposta sat-8 ta’ Ottubru dwar l-għoli tal-fjuwil.  Fi Franza  fis-17 ta’ Ottubru  qed jiġu msejħa protesti ġodda tal-“Gilets Jaunes” (Yellow Vests), b’żieda fil-prezz tal-fjuwil bħala waħda mill-kwistjonijiet ewlenin.  

Fil-Portugall  fis-17 ta’ Ottubru: hemm ukoll manifestazzjonijiet nazzjonali f’Lisbon, Porto u Coimbra kontra ż-żieda fl-għoli tal-ħajja, li tinkludi l-ispiża tal-fjuwil.  Fl-Italja bejn id-9 u t-13 ta’ Ottubru hemm waqfien ippjanat fit-trasport tal-merkanzija f’Calabria.  Din mhijiex ikkonfermata speċifikament bħala protesta kontra iż-żieda fil-prezz tad-dijżil.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport