Friday, December 20, 2024

Ippremjati l-individwi u l-għaqdiet li taw kontribut fil-promozzjoni tal-edukazzjoni STEM

Aqra wkoll

Waqt ċerimonja ta’ premjazzjoni organizzata fl-Esplora, numru ta’ nies u għaqdiet ġew ippremjati għall-kontribut tagħhom fil-promozzjoni tal-edukazzjoni STEM. Għal din iċ-ċerimonja kien hemm preżenti s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti.

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari tkellem dwar l-importanza tal-edukazzjoni STEM fil-komunità u qal li dawn l-individwi u l-għaqdiet li qegħdin jiġu ppremjati f’din is-serata għandhom iservu ta’ eżempju għal oħrajn biex ikomplu jippromwovu din l-edukazzjoni fis-soċjetà.

“Bla dubju li d-dinja llum diġà hija mmexxija mit-teknoloġija. Għaldaqstant, bħala gvern qegħdin naħdmu sabiex inwasslu aktar ix-xjenza u t-teknoloġija fid-djar tan-nies, biex b’hekk igawdu huma wkoll mill-benefiċċji li r-riċerka u l-innovazzjoni jġibu magħhom. Dawk li ġew ippremjati llum qegħdin jiffaċilitaw din il-ħidma li se tkompli twassalna għal futur aktar teknoloġiku, innovattiv, u bi kwalità ta’ ħajja aħjar,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.

Tkellem ukoll ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, Prof. Alfred J Vella  li qal, “Irridu nħajru u ninkoraġġixxu liż-żgħażagħ tagħna, speċjalment il-bniet, sabiex jersqu lejn l-istudju tax-xjenza mhux biss għaliex l-ambjenti fid-djar tagħna u fil-postijiet tax-xogħol u tad-divertiment huma dejjem iżjed influwenzati mix-xjenza u mit-teknoloġija, imma anke għaliex ix-xjenza tippermetti li l-kisbiet ta’ għada jmorru lil hinn minn dak li naħsbu llum.”

Is-Senior Director tal-Esplora, Olaf McKay, qal, “Waqt din is-serata qed nonoraw l-isforzi ta’ ħafna li taw kontribut għall-iżvilupp tal-iSTEM. L-impenn ta’ Esplora jibqa’ dak li nqajmu kuxjenza dwar l-isbuħija tas-suġġetti STEM.” Huwa żied jgħid li s-suġġetti STEM huma kruċjali għall-iżvilupp ta’ dawk li eventwalment jidħlu fid-dinja tax-xogħol u għat-tisħiħ tal-kapital uman f’pajjiżna.

Ir-rebbieħa tan-National STEM Awards 2023 huma:

STEM Award 1 – Għalliema tal-Primarja – Ms. Elaine Gauci

STEM Award 2 – Għalliema tas-Sekondarja – Ms. Marissa Banavage

STEM Award 3 – Non-Formal STEM Educator – Ms. Danielle Martine Farrugia

STEM Award 4 – Proġett fil-Komunità STEM – GLOBE Malta

STEM Award 5 – Proġett STEAM – IEEE Region 8 Robot Championship Malta 2022

STEM Award 6 – Engaged Researcher – Dr. Inġ. Bonnie Attard

STEM Award 7 – Lifetime Contribution – Prof. Pauline Galea

Ekonomija

Sport