Tuesday, January 14, 2025

Ippreżentat il-coach nazzjonali l-ġdid Emilio De Leo

Aqra wkoll

Il-coach u Direttur Tekniku il-ġdid tat-timijiet nazzjonali ta’ Malta, Emilio De Leo, il-bieraħ wara nofs in-nhar ġie ppreżentat uffiċjalment lill-Bord Eżekuttiv tal-Malta FA, fis-sala ewlenija tas-Centenary Stadium. 

Waqt il-preżentazzjoni, il-president tal-Assoċjazzjoni,  Bjorn Vassallo, esprima s-sodisfazzjon għall-ħatra ta’ De Leo flimkien mal-istaff tekniku tiegħu wara proċess ta’ reklutaġġ bir-reqqa fejn il-kandidati finali ġew assessjati u intervistati minn panel konsultattiv.

“Għall-Assoċjazzjoni, nemmnu li Emilio De Leo huwa isem importanti,” qal il-president tal-Malta FA. “Huwa coach żagħżugħ li rnexxielu jilħaq numru ta’ tragwardi, kemm personalment kif ukoll għall-clubs li rrappreżenta. Huwa ta’ unur kbir li l-Assoċjazzjoni tagħna ħatret coach ta’ daqshekk statura.”

Il-president tal-Malta FA afferma mill-ġdid l-għani­jiet tal-Assoċjazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien li timbotta għall-promozzjoni għal-League C tal-UEFA Nations League, jew permezz tal-istadju tal-play-off li jmiss jew il-fażi tal-kampjonat, u biex tavvanza wkoll f’termini ta’ klassifika. Fuq medda twila ta’ żmien, il-Malta FA se tkompli tagħti prijorità lill-iżvilupp tal-players, u għadd ta’  iniz­jattivi diġà qegħdin fis-seħħ biex jgħinu biex jintlaħaq dan il-għan.

De Leo tħabbar għall-ewwel darba bħala l-coach il-ġdid u Direttur Tekniku tat-timijiet nazzjonali, nhar it-Tnejn li għadda, hekk kif miegħu jingħaqdu Ivan Woods, li ħa promozzjoni mir-rwol tiegħu ta’ coach tat-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena, kif ukoll il-coaches ġodda, Pietro Matafora u Mirko Valdifiori, li se jkunu qed jassistuh. De Leo, Matafora u Valdifiori se jibdew jaħdmu mill-1 ta’ Frar  li ġej.

De Leo afferma mill-ġdid li huwa onorat li ġie fdat bl-irwol, filwaqt li nnota li huwa privileġġ li nħatar Head Coach tat-team nazzjonali.

“Ninsab kburi ħafna imma fl-istess ħin inħoss sens kbir ta’ responsabbiltà li nkun il-coach nazzjonali peress li qed nirrappreżentaw lin-nazzjon Malti,” qal De Leo, li ħadem fl-ogħla livell tal-football Taljan ma’ clubs bħal Milan, Bologna u Torino, u kien ukoll parti mit-team nazzjonali tas-Serbja bħala parti mill-istaff tekniku tal-mibki Sinisa Mihajlovic.

Huwa rrimarka li filwaqt li l-kompitu se jkun ta’ sfida, għandu twemmin sħiħ fil-proġett imwaqqaf mill-Malta FA u, permezz ta’ xogħol iebes, kollaborazzjoni u rispett reċiproku, jinsab ċert li t-team tabilħaqq se jkun qed jilħaq l-għanijiet tiegħu.

Ta’ min jgħid ukoll li Davide Mazzotta, li mexxa lit-team nazzjonali Malti għal tliet logħbiet wara li tneħħa Michele Marcolini, inħatar il-coach ta’ Taħt il-21 sena. 

Mazzotta kien assistant coach ta’ Devis Mangia u Michele Marcolini bejn Frar 2020 u Settembru 2024. Kien għalhekk li l-MFA għażlitu biex imexxi lin-nazzjonal fl-aħħar logħbiet tal-UEFA Nations League.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport