Matul it-tielet jum ta’ kompetizzjoni tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker tas-Seniors Individwali li qed isiru f’Sofja, il-Bulgarija, saru numru ta’ logħbiet mill-fażijiet tan-knockout fejn għal l-aħħar ġurnata ta’ din il-kompetizzjoni Philip Ciantar biss baqa’ jikkwalifika u issa huwa wieħed mill-erba’ semi-finalisti fil-kategorija ta’ -il fuq minn 40 sena.
Il-ġurnata ma setgħetx tibda aħjar wara li l-erba’ plejers li għaddew mill-fażi tal-grupp kollha ssuperaw l-ewwel logħba tan-knockout.
Emanuel Mallia fil-kategorija ta’ -il fuq minn 55 sena, kellu jilgħab logħba preliminari biex jasal għal mal-aħħar 16. Huwa ftit sab diffikultà kontra l-Ungeriż, Peter Varga u rebaħ it-tliet frames bil-punteġġi ta’ 71-16, 71-11, 67-63. Fir-rawnd tal-aħħar 16, meta l-logħob kollu jintlagħab fuq l-aħjar minn seba’ frames, Mallia ġie eliminat mill-Ingliż, Chris Cooke u tilef 4-1 (18-60, 74-35, 23-70, 49-65, 8-53).
Fl-istess kategorija, France Mintoff li kien ikkwalifika dirett għal ma l-aħħar 16 rebaħ logħba maratona ta’ aktar minn tliet siegħat kontra John Breeze ta’ Wales, 4-3. Is-seba’ frames f’din il-logħba kellhom jintlagħbu kollha u ntemmu, 55-51, 60-25, 17-66, 73-1, 27-61, 39-53, 60-46. Tard filgħaxija, Mintoff ġie eliminat fil-kwarti tal-finali mill-plejer ta’ Wales, David Hooper, 4-2. Il-punteġġi tal-frames spiċċaw hekk; 22-77, 55-24, 60-40, 29-61, 27-55, 35-61.
Fil-kategorija ta’ -il fuq minn 40 sena ż-żewġ Maltin plejers Maltin, Alex Borg u Philip Ciantar, it-tnejn kellhom bidu tajjeb fejn rebħu l-konfront tagħhom mal-aħħar 32.
Borg lagħab u rebaħ, 3-0, kontra Darryl James ta’ Wales bl-iskors ta’ 51-41, 72-29, 74-32 iżda aktar tard, fil-fażi tal-aħħar 16, kontra plejer ieħor minn Wales, David Donovan huwa safà eliminat u tilef 4-1 (17-68, 62-50, 11-73, 44-76, 9-71).
Ciantar kellu ġurnata ta’ suċċess u ssupera tliet rawnds. Fir-rawnd tal-aħħar 32 għeleb lill-Ġermaniż, Miro Popovic, 4-1 (17-65, 58-47, 74-40, 70-48) filwaqt li mal-aħħar 16, ġab fix-xejn l-isfida tal-Belġjan, Peter Bullen meta rebaħ 4-0 u anke wettaq break ta’ 54 punt fit-tielet frame (69-16, 56-32, 80-7, 70-41). Tard filgħaxija, fil-kwarti tal-finali, Ciantar kompla għaddej wara li għeleb lill-Irlandiż, Mark Walsh, 4-1 (96-46, 90-52, 55-37, 51-61, 72-46).
Is-Sibt, fil-jum meta din il-kompetizzjoni tiġi fil-konklużjoni tagħha, Ciantar fis-semi-finali ser jiltaqa’ kontra l-Ingliż, Wayne Brown, f’logħba li hija pprogramata li tibda f’nofsinhar, ħin ta’ Malta.




