Thursday, December 26, 2024

Ippreżentata talba lill-Madonna tal-Mellieħa miktuba mill-Papa Franġisku

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra quddiesa f’Jum id-Duluri mis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa u wara ppreżenta talba lill-Madonna tal-Mellieħa mitkuba mill-Qdusija Tiegħu, il-Papa Franġisku, fl-okkażjoni tal-vjaġġ appostoliku tiegħu f’Malta. 

It-talba tgħid hekk:

Omm Verġni tal-Verb inkarnat. 
Omm Alla meqjum għal sekli sħaħ f’dan il-post qaddis.
Ġenerazzjonijet ta’ Maltin resqu lejk u talbuk. 
Hawn sabu s-serħan, il-faraġ u l-ħarsien.
Verġni omm, kun għalina omm it-tenerezza li tilqa’ lil kulħadd bħala wlied il-missier u twassalhom għat-tgħanniqa tal-ħniena mill-aktar ħelwa.
Verġni omm, kun għalina omm il-viċinanza li tersaq biex tiltaqa’ ma’ kull persuna li qed tbati u togħtor u twassalna għall-fejqan tal-ġisem u tar-ruħ.
Verġni omm, kun għalina omm il-ħniena li tiftħilna l-qalb ħelwa u umli ta’ Ibnek Ġesù u tgħallimna li l-vera mħabba tagħmel minna wlied tal-aktar għoli.
Omm Verġni tal-Mellieħa itlob għalina.

Sadanittant, fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna nnota kif il-Papa jsejjaħ lill-Madonna b’dawn it-titli sbieħ: Omm it-tenerezza, omm ta’ kull ħlewwa, omm il-kompassjoni, omm ta’ kull mogħdrija u omm il-viċinanza. 

Huwa sostna li f’Jum id-Duluri niċċelebraw u nikkommemoraw, nifhmu u napprezzaw it-tenerezza tal-Madonna. Tenna li d-dmugħ iġelben ma’ ħaddejha, kien dmugħ ta’ qsim il-qalb imma wkoll kien dmugħ bħall-ilma u d-demm li ħareġ mill-kustat ta’ binha li jsaffina minn kull mibegħda u rabja u jiddedikana għal din il-ħlewwa li hi s-sinjal tad-dixxiplu tal-Mulej Ġesù.

“Ħdejn is-salib ta’ binha, l-omm hija eżempju ta’ kompassjoni u ta’ mogħdrija. Meta nagħdru lil xulxin, nidħlu fiż-żarbun ta’ dak li jkun, nifhmu minn xiex ikun għaddej. U b’dak il-ħsieb u l-għarfien nifhmu li nagħdru lil xulxin. Min jaf kieku x’kont nagħmel? Kif kont nirreaġixxi? Iżjed ma tifhem iżjed tagħder, iżjed ma tifhem iżjed tapprezza.” 

L-Arċisqof żied jgħid li fiż-żjara tiegħu fostna, il-Papa għallimna mhux bil-kliem biss imma bil-ġesti u bl-eżempji tiegħu. Kemm fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu kif ukol; fil-Bażilika Minuri ta’ San Pawl fil-Rabat iltaqa’ ma rappreżentanza tad-dgħufija, tal-mard, tal-vulneralbilità, tat-tbatija tal-poplu tagħna. “Il-barka tal-Papa, nitolbu li ġġib ħafna u ħafna fejqan.” 

“X’hemm fil-qalb ta’ Marija? Misteru kbir ta’ dulur imma wkoll ta’ fidi kbira li fid-dlam tittama fil-jum tad-dawl. Id-dmugħ tagħha li llum iġelben frott id-dieqa jinbidel fi dmugħ ta’ ferħ nhar Ħadd il-Għid. Din hija l-fidi tagħna,” temm jgħid l-Arċisqof Scicluna.

Ekonomija

Sport