Ippruvaw idaħħlu persuna barranija f’Malta b’passaport ta’ ħaddieħor

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

…l-Uffiċjal tal-Probation irrakkomanda sentenza sospiża

…il-Qorti ma qablitx u tathom tlett xhur ħabs kull wieħed bl-argument li dan kien reat serju ħafna

Żewġ persuni spiċċaw quddiem il-Qorti akkużati li ppruvaw idaħħlu persuna barranija f’Malta b’passaport ta’ ħaddieħor. Ir-raġuni li taw kien li sabiex idaħħlu persuna ta’ nazzjonalità barranija ġewwa Malta b’mod illegali, kien li għamlu dan sabiex jgħinu lil din il-persuna. L-Uffiċjal tal-Probation irrakkomanda li l-persuni akkużati jingħataw sentenza sospiża iżda l-Qorti ma’ qablitx ma’ dan u qalet li dan kien reat serju u kkundannathom tlett xhur ħabs kull wieħed.

Fares Hamd u Ahd Abdulaziz kienu akkużati li fit-13 ta’ Marzu tas-sena 2026, għenu u assistew lil persuna biex tinżel l-art jew tittanta tinżel l-art f’Malta. Huma kienu akkużati ukoll li fl-istess data, ħin, u ċirkostanzi kellhom f’idejhom passaport u  trasferixxew dak il-passaport lil persuna oħra. Il-passaport kien Malti u maħruġ f’isem Ahd Abdulaziz. 


Quddiem il-Qorti, iż-żewġ persun i  wieġbu ħatja għall-akkużi kollha miġjuba kontra tagħhom. Il-Qorti wissiethom bil-konsegwenzi legali tal-ammissjoni tagħhom, u tathom żmien adegwat sabiex jerġgħu jikkunsidraw l-ammissjoni billi jikkonsultaw mal-avukati tal-fiduċja tagħhom li kienu qiegħdin jassistuhom, u jerġgħu lura minnha, u wara li ngħataw ħin adegwat, il-Qorti reġgħet staqsiethom  xi jwieġbu għall-akkużi.

 Huma wieġbu ħatja għall-akkużi kollha miġjuba kontra tagħhom. Il-Qorti kkunsidrat li din l-ammissjoni saret skont il-liġi, wara li l-akkużati kkonsultaw mal-avukat tagħhom u wara li aċċertataw li huma fehmu l-konsegwenzi legali tal-ammissjoni tagħhom, u għalhekk il-Qorti ma kellhiex għalfejn tiddubita din l-ammissjoni. 

Kemm il-prosekuzzjoni u anke id-difiża qablu li huma għandhom jingħataw sentenza sospiża. Il-Qorti ikkunsidrat ukoll ir-rapport ta’ qabel is-sentenza fejn ġie issuġġerit mill-uffiċjal tal-probation li tingħata sentenza sospiża. 

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li  “ma taqbel xejn kemm mas-sottomissjonijiet tal-partijiet kif ukoll mas-suġġeriment tal-uffiċjal tal-probation rigward il-piena, fejn issuġġeriet illi sentenza sospiża tkun idonea fiċ-ċirkostanzi tal-każ. Il-Qorti ikkunsidrat li huma ammettew għal akkużi miġjuba kontra tagħhom. Ikkunsidrat ukoll illi minn dak li jirrizulta fl-atti, l-iskop li intuża l-passaport  kien sabiex idaħlu persuna ta’ nazzjonalità barranija ġewwa Malta b’mod illegali. Għalkemm huma insistew li għamlu dan sabiex jgħinu lil persuna li riedu li tidħol Malta, dan ma jnaqqas xejn mill-gravità serja ta dan ir-reat. Terġa’ u tgħid, il-prosekuzzjoni ġiet immexxija mill- Iskwadra ta’ Kontra t-Terroriżmu u dan jagħmel il-każ aktar serju u gravi għas-sigurtà tal-pajjiż. Huwa għalhekk illi l-Qorti tqis dan ir-reat bħala mill-aktar serju għaliex jimpingi fuq is-sigurtà nazzjonali u għalhekk m’għandux jiġi kkunsidrat bħala reat ta’ natura mhux serja jew li wieħed jaħseb li jista’ jagħmel reat bħal dan mingħajr konsegwenzi serji.”

Il-Qorti ma waqfitx u rreferiet għal sentenza tal-Imħallef Vincent de Gaetano, deċiża nhar l-20 ta Mejju tas-sena 2010, fejn dakinhar intqal li “d-dħul f’Malta mingħajr dokumenti jew b’dokumenti foloz hija ħaġa serjissima, u li tinċidi fuq is-sigurtà tal-iStat. Li wieħed anke jgħaddilu mill-antiporta ta’ moħħu li dan jista’ jkun każ ta’ sentenza sospiża juri kemm l-istituzzjoni tas-sentenza sospiża tista’ tiġi abbużata.” 

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li   tagħmel dan il-pronunzjament tal-Qorti tal-Appell (Inferjuri) tagħha għax tqis li l-fatti u ċ-ċirkostanzi tal-każ ma jimmeritawx li l-akkużati jingħataw sentenza sospiża imma għandhom jingħataw sentenza ta’ priġunerija effettiva. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport