Friday, August 21, 2026
Home Fehmietna KRUĊJALI L-INVESTIMENT FI SPAZJI PUBBLIĊI

KRUĊJALI L-INVESTIMENT FI SPAZJI PUBBLIĊI

0
70

Kull meta jsir xi tip ta’ investiment fl-ispazji pubbliċi, ikun qed isir investiment dirett fil-kwalità tal-ħajja tan-nies tal-madwar. Bl-investiment kollu li qed isir fi spazji pubbliċi madwar il-pajjiż, kemm f’dawk ġodda kif ukoll fiż-żamma tajba ta’ oħrajn li diġà jeżistu, ikompli jinħoloq ambjent aktar sabiħ li jkun ukoll ta’ rilassament għall-familji li jmorru f’dawn il-postijiet. 

Il-ħidma li qed twettaq l-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi qiegħda tħalli r-riżultati mixtieqa. Tant hu hekk li sal-aħħar ta’ Lulju ta’ din is-sena, sar tisbiħ f’madwar 10 kilometri ta’ spazji pubbliċi madwar Malta permezz ta’ programm estensiv ta’ interventi f’waqthom mill-istess aġenzija. 

Hija notevoli li b’kollox din l-Aġenzija wettqet mijiet ta’ interventi fi 22 lokalità differenti, bil-għan li ttejjeb id-dehra tal-ispazji pubbliċi u toffri ambjent sigur, nadif u akkoljenti għar-residenti u l-viżitaturi. 

Ħidma din li aħna narawha bħala li tikkumplimenta dak kollu li sar u li għadu jsir f’żoni oħra minn entitajiet differenti nkluż l-irranġar ta’ toroq, spazji miftuħa, ġonna pubbliċi u aktar. B’hekk ukoll l-awtoritajiet jidhru li qed jieħdu l-messaġġ ta’ ħafna organizzazzjonijiet mhux governattivi li għandhom għal qalbhom il-ħarsien tal-ambjent. 

Għandna għax nifhmu li diversi Ministeri bħalma huwa dak tal-Ambjent u dak tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jkomplu jikkoordinaw bejniethom u jkunu pro-attivi sabiex mhux biss jitwettaq ix-xogħol li għandu jsir imma wkoll li dan isir bl-aħjar mod possibbli u li fuq kollox ikompli jagħti dehra isbaħ ta’ pajjiżna kif wara kollox jixraqlu. Ħidma li titwettaq ukoll bi sħubija sħiħa mal-Kunsilli Lokali u mal-entitajiet kollha konċernati. 

Għalhekk, ma nistgħux ma nappellawx lil min hu responsabbli biex jissokta l-programm ta’ tħawwil ta’ siġar ħalli tingħata dik id-dehra aktar ħadra lil dan il-pajjiż. Wara kollox is-siġar huma mezz li minbarra li jnaddfu l-arja, jipprovdu l-ossiġnu li aħna jkollna bżonn ma’ kull nifs li nieħdu. 

Nittamaw li dan ix-xogħol ma jonqosx u jibqa’ għaddej bl-istess ritmu u jasal sa kull rokna ta’ pajjiżna. Għalhekkk dejjem nibqgħu ntambru biex dawn l-ispazji jibqgħu bla mittiefsa aktar u aktar li ma jintremiex skart fihom li flok isebbaħ, ikerraħ u jagħti dehra mhux mixtieqa. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here