Friday, August 21, 2026
Home Internazzjonali Trump jhedded b’konsegwenzi ekonomiċi lil min jgħin lill-Iran

Trump jhedded b’konsegwenzi ekonomiċi lil min jgħin lill-Iran

0
53

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump stqarr li se jimponi “konsegwenzi ekonomiċi enormi” fuq kwalunkwe pajjiż li jipprova jgħin lill-Iran jew jagħmel negozju miegħu. Fuq is-sit elettroniku Truth Social, Trump kiteb b’ittri kbar li kien qed iniedi l-aktar operazzjoni ekonomika devastanti li qatt saret kontra xi pajjiż!

Dan kollu qed iseħħ wara li nhar it-Tnejn skada l-perjodu ta’ waqfien mill-ġlied ta’ 60 jum mal-Iran, mingħajr ebda sinjal ta’ soluzzjoni diplomatika jew militari għall-kunflitt li l-Istati Uniti u l-Iżrael bdew kontra l-Iran fl-aħħar ta’ Frar.

L-aħħar mossa ta’ Trump tidher li qed testendi l-kampanja ta’ pressjoni tal-Operazzjoni “Economic Fury” li tnediet f’April biex jiġu ssanzjonati banek jew ditti barranin li jagħmlu negozju ma’  l-Iran.

“Kull pajjiż li jippermetti lill-istituzzjonijiet finanzjarji, lin-negozji, lill-ajruporti, jew lill-entitajiet governattivi tiegħu jipprovdu kwalunkwe tip ta’ linja ta’ għajnuna lill-Iran se jiffaċċja konsegwenzi ekonomiċi tremendi,” qal Trump. Huwa ma speċifikax x’kastig jistgħu jiffaċċjaw dawk il-pajjiżi.

Ftit tal-jiem ilu l-Emirati Għarab Magħquda, (UAE) alleat tal-Istati Uniti, ħabbru li se jaqtgħu r-rabtiet finanzjarji u ekonomiċi kollha mal-Iran, wara theddida ġdida ta’ missili mill-pajjiż. L-entitajiet Iranjani ilhom jużaw is-sistema finanzjarja ta’ Dubai biex jittrasferixxu flus permezz ta’ djar tal-kambju u kumpaniji fantasma.

Wara d-deċiżjoni tal-UAE, il-forzi armati tal-Iran wissew lill-pajjiżi ġirien tal-Golf kontra li jipprovdu appoġġ lill-militar tal-Istati Uniti, u qalu li kwalunkwe assistenza mogħtija lill-forzi tal-Istati Uniti titqies bħala kollużjoni.

Filwaqt li ċ-Ċina ma ssemmietx f’dak li kiteb u qal Trump, in-negozji Ċniżi huma l-akbar xerrejja taż-żejt mill-Iran, sors ewlieni ta’ dħul ta finanzi għall-Iran.

Mill-bidu tal-gwerra, l-Istati Uniti issanzjonat diversi raffineriji żgħar – impjanti tal-ipproċessar taż-żejt ta’ proprjetà privata, l-aktar ibbażati fil-provinċja ta’ Shandong, fiċ-Ċina tal-Lvant. Dak iż-żmien, il-Ministeru tal-Kummerċ taċ-Ċina qal li s-sanzjonijiet kienu bi ksur tal-liġi internazzjonali u n-normi bażiċi li jirregolaw ir-relazzjonijiet internazzjonali.

F’April, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti u l-Pentagon ħabbru l-Operazzjoni “Economic Fury”. Din kellha l-għan li żżarma s-sorsi tad-dħul tal-Iran permezz ta’ sanzjonijiet u billi twaqqaf entitajiet internazzjonali barranin milli jagħmlu negozju mal-Iran. Kienet tinkludi wkoll imblokk navali biex jitwaqqfu l-esportazzjonijiet mir-Repubblika Iżlamika.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, fi intervista telefonika ma’ ġurnalist ta’ Fox News, ġie rrappurtat ukoll li Trump hedded li jibbumbardja lill-Oman – alleat ieħor tal-Istati Uniti – jekk dan “ifixkel jew ixekkel” it-taħditiet tal-amministrazzjoni tiegħu mal-Iran.

L-Istati Uniti u l-Oman ilhom jinnegozjaw separatament ma’ Tehran biex jerġgħu jiftħu l-Istrett ta’ Hormuz, passaġġ marittimu vitali għall-ekonomija globali. Il-kunflitt fixkel b’mod sinifikanti t-traffiku tul ir-rotta marittima ewlenija tal-Istrett ta’ Hormuz, u dan wassal għal żieda fil-prezzijiet globali tal-enerġija.

Aktar ma qed joqorbu l-elezzjonijiet ta’ nofs it-terminu fl-Istati Uniti f’Novembru, aktar Trump qed jiffaċċja pressjoni dwar kemm il-gwerra mal-Iran qed tiswa lill-konsumaturi Amerikani.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here