Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir flimkien ma’ Project Green ippubblikaw id-disinn tal-proġett komprensiv għar-riabilitazzjoni tal-Ġnien tal-Pinetum fil-Furjana. Project Green bdiet il-proċess biex tingħata ħajja ġdida lil din iż-żona storika, billi issottomettiet l-applikazzjoni ta’ dan il-proġett mal-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-Pinetum, li jinsab bejn id-daħla tal-Pietà u Xatt it-Tiben u jibqa’ sejjer sa Bieb il-Bombi, hu magħruf għas-sinifikat storiku li għandu, kif ukoll għat-terren bl-għoljiet. Il-proġett propost se jinvolvi interventi minimi, li jiffukaw fuq it-titjib, il-manutenzjoni u l-preservazzjoni taż-żona. Sar ukoll studju fuq is-swar sabiex dak kollu li jsir fuq dan is-sit ma jkunx ta’ dannu għall-ambjent naturali.
Il-proġett, li jkopri madwar 60,000 metru kwadru, jinkludi l-introduzzjoni ta’ passaġġi maqtugħin mill-art biex ma jkunx hemm impatt ambjentali. Dawn se jkunu magħmula minn ħadid galvanizzat, u se jservu bħala passaġġi aċċessibbli għall-mixi flimkien ma’ sinjali ta’ informazzjoni relatati mal-elementi naturali ta’ dan il-post.
Waqt żjara fuq il-post mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, mill-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Joseph Cuschieri u l-periti tal-aġenzija Project Green, ġie spjegat li s-siġar kollha se jibqgħu hemmhekk. Ix-xogħol ta’ tiżbir li se jsir se jkun wieħed minimu u se jsir fejn hemm impatt fuq strutturi storiċi, bħalma huma n-nissen huts. Dawn kienu jintużaw mis-servizzi Ingliżi u se jiġu riġenerati biex jinħolqu serer, guvi u ċentru ta’ tagħlim ortikulturali.
“Il-pjanijiet li qed tippreżenta Project Green għal dan il-Ġnien tal-Pinetum se jwasslu biex spazju miftuħ ieħor jitgawda mir-residenti, viżitaturi u turisti. Hawnhekk l-Aġenzija qed tagħti importanza lill-element storiku li jġorr miegħu dan il-ġnien fejn permezz tar-riġenerazzjoni qed tagħti ħajja ġdida lil din iż-żona,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Perit Jessica Galea spjegat li ż-żona kollha se titnaddaf, se jsir fencing tal-ħadid galvanizzat tul il-perimetru u se jiġi installat dawl biex iżid is-sigurtà skont dak li ġie rrakkomandat minn studju tal-Professur Saviour Formosa li sar dwar dan il-post. “Il-Pinetum se jkollu intervent minimu għaldaqstant passaġġi formali se jkunu magħmulin minn materjal li mhuwiex invażiv. Se jsir ukoll restawr kemm tas-swar, kif ukoll tan-nissen huts,” qalet il-Perit.
Biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà ta’ dan il-ġnien, se jintuża materjal sostenibbli kull fejn hu possibbli filwaqt li se jiġi introdott dawl li ġej minn enerġija rinnovabbli.
Project Green diġà bdiet proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali tal-Pietà, l-Imsida u l-Furjana dwar dan il-proġett.