Friday, December 13, 2024

Ippubblikat it-tender għall-iżvilupp tal-ewwel sistemi f’Malta għall-ħażna ta’ enerġija f’batteriji fuq skala kbira 

Aqra wkoll

InterConnect Malta nediet il-proċess ta’ sejħiet għall-offerti għad-disinn u l-kostruzzjoni ta’ żewġ Sistemi tal-Ħażna tal-Enerġija f’Batteriji fuq skala kbira. Dan qed isir f’sinerġija mal-għanijiet fit-tul tal-klima u l-enerġija ta’ Malta, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju mis-settur tal-enerġija, titjieb l-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (RES), u tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

Dawn il-BESS ser iservu biex jassorbu l-intermittenza tal-enerġija rinnovabbli. Ser jippermettu wkoll il-ħażna tal-elettriku żejjed ġġenerat mill-fotovoltajċi f’ħinijiet meta d-domanda għall-enerġija tkun baxxa sabiex imbagħad din l-enerġija tintuża waqt perjodi meta d-domanda tal-konsumatur tkun iktar għolja mill-produzzjoni tal-enerġija iġġenerata mir-rinnovabbli. Dan jgħin biex tiġi żgurata provvista ta’ enerġija aktar stabbli u affidabbli filwaqt li jippermetti l-iżvilupp ta’ sehem ikbar ta’ rinnovabbli fis-sistema tal-ġenerazzjoni elettrika tal-pajjiż. Din l-inizjattiva, flimkien mal-iżvilupp tal-proġett tat-tieni interconnector, ser tkun kruċjali għall-mira ta’ Malta għat-tranżizzjoni ta’ enerġija iktar nadifa u li tiżgura futur ta’ enerġija aktar sostenibbli u reżiljenti.

Ġew identifikati żewġ siti għal dan il-proġett li huma qrib ċentri ewlenin tad-distribuzzjoni u għandhom aċċess biex jitqabbdu mal-grid tad-distribuzzjoni. L-ewwel sit ser ikun taħt l-art fejn kienet il-power station l-antika tal-Marsa (Marsa A Station) filwaqt li t-tieni sit se jkun fil-power station ta’ Delimara.

“Il-Gvern Malti huwa kommess li jtejjeb l-integrazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli sabiex jiddiversifika l-enerġija tiegħu. Dan il-proġett, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Malta, mhux biss ser jipprovdi ħażna essenzjali ta’ elettriku, iżda ser jkollu wkoll rwol kruċjali biex jistabilizza b’mod rapidu is-sistema tad-distribuzzjoni waqt temp imsaħħab, u b’hekk jippermetti użu aktar wiesgħa ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’ Malta. L-intermittenza tar-rinnovabbli hija sfida kbira li qegħdin nindirizzawha sabiex inżommu l-istabbiltà tas-sistema. Inizjattivi bħal dawn huma kruċjali biex Malta tagħmel pass ‘l quddiem lejn proġetti rinnovabbli fuq skala ikbar, bħal offshore wind ‘l barra minn tnax-il mil nawtiku” qalet il-Ministru tal-Enerġija Dr. Miriam Dalli. 

Il-Proġett tal-BESS tal- Marsa ‘A’ Station se jkun finanzjat 100% mill-Fond ta’ Rkupru u Reżiljenza (RRF) b’allokazzjoni ta’ baġit ta’ madwar €12 miljun, filwaqt li l-Proġett BESS ta’ Delimara qed jiġi kkunsidrat għall-kofinanzjament taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) 2021-2027 sa €35 miljun u b’rata ta’ kofinanzjament ta’ 60%.

“Il-ħażna tal-enerġija meta l-produzzjoni taqbeż il-livell tad-domanda fil-pajjiż ser tippermetti li din l-istess enerġija tkun tista’ tintuża f’ħinjiet differenti sabiex tieħu post l-użu tal-impjanti tradizzjonali li jużaw il-karburanti.. B’dawn il-BESS se jintlaħaq ukoll tragward importanti għax ser ikunu parti mill-modernizzazzjoni tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-pajjiż bl-użu ta’ konvertituri kbar ta’ enerġija, l-ewwel ta’ dan it-tip konnessi mas-sistema 33kV ta’ Malta, li jinħtieġu għal konverżjoni tal-enerġija u jagħtu iktar flessibilità bl-operat u rispons veloċi tagħhom,” qal Dr. Inġ. Joseph Vassallo, Maniġer Diviżjonali ICM.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport