Monday, December 9, 2024

VJOLENZA DOMESTIKA … PJAGA LI NIĠĠILDUHA BL-AZZJONI!

Aqra wkoll

Issa li ninsabu fis-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, b’numru ta’ attivitajiet u inizjattivi sabiex jitqajjem aktar għarfien dwar il-kumplessità ta’ din il-pjaga, hija kruċjali l-importanza tal-għarfien dwar is-servizzi professjonali li jeżistu biex jassistu f’każijiet relatati mal-vjolenza domestika.

Il-vjolenza domestika hija abbuż li ħafna drabi nassoċjawh biss ma’ aggressjoni fiżika fil-konfront tan-nisa. Iżda, l-vjolenza m’hijiex biss fiżika u tista tkun ukoll psikoloġika u emozzjonali u ma tolqotx lin-nisa biss. Dan qed narawh ukoll fuq irġiel, anzjani u saħansitra tfal. Pajjiżna f’dawn l-aħħar snin ħadem qatigħ biex jindirrizza l-pjaga tal-vjolenza f’kull forma tagħha.

U għalhekk naqblu ma’ kull sforz, appell u impenn li l-każi ta’ vjolenza jkunu miġġielda bl-azzjoni u mhux bil-kliem jew bil-partiġġjaniżmu. F’dan il-kuntest, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard tkellem dwar dan is-suġġett f’diskors li għamel fil-Parlament, fejn qal li din il-pjaga għandna niġġilduha bl-azzjoni u mhux bil-blame game. 

Ninnutaw b’sodisfazzjon li s-seduti li jitrattaw il-vjolenza domestika żdiedu minn tnejn jew tlieta, għal medja ta’ tmienja fil-ġimgħa f’dawn l-aħħar snin, żieda li qed tħalli riżultati mixtieqa. Dan hekk kif mill-bidu ta’ din is-sena sal-aħħar ta’ Ottubru nbdew 91 kumpilazzjoni u deċiżi 90.

Min-naħa l-oħra, rridu nfakkru li żdiedu il-Maġistrati ffukati biss fuq dawn il-każijiet, apparti li ġew allokati aktar seduti sabiex jitħaffu il-proċessi filwaqt li persuni f’relazzjoni jistgħu jivverifikaw jekk is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom għandhomx każi relatati ma’ vjolenza domestika.

Wara kollox bħalma qaltilna l-Kummissarju Kontra l-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan f’kumment lil dan il-ġurnal, dawk li jwettqu vjolenza domestika fuq ħaddieħor, għandhom ikunu konxji li hemm il-konsegwenzi serji u mhux ftit. 

Iżda nemmnu li l-kastig waħdu m’huwiex is-soluzzjoni. Irridu naraw kif, bħala poplu, nnaqsu l-agressjoni minn fostna permezz ta’ xi forma ta’ terapija jew xort’oħra. Bħalma jeżistu ċentri għall-vittmi hekk ukoll għandu jkun hemm ċentri għall-aggressuri.

Huwa ta’ sodisfazzjon li rajna entitajiet governattivi jaħdmu flimkien biex setgħu jwasslu għall-ewwel hub għal vittmi tal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, dak ta’ Santa Luċija, li qed jagħti servizzi ta’ appoġġ u assistenza professjonali erbgħa u għoxrin siegħa kuljum matul is-sena kollha. Sa issa, diġà kien hemm ‘il fuq minn 1,500 li ħadu forma ta’ servizz minn dan iċ-ċentru.

Nittamaw li n-numri ta’ vittmi tal-vjolenza domestika jonqsu u mhux jiżdiedu. Is-servizzi professjnali qegħdin hemm. Issa sta għal vittmi u l-aggressuri li jagħmlu użu minnhom biex joħorġu minn din il-pjaga li tista therri s-sinsla tas-soċjeta tagħna kollha kemm hi.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport