Monday, December 9, 2024

Il-Qorti tordna li esperti barranin fl-inkjesta Vitals iridu jkunu fiżikament fl-awla biex jixhdu 

Aqra wkoll

Il-Ħamis li għadda, il-Qorti Kriminali ordnat li għas-seduta li se ssir fil-31 ta’ Jannar, l-esperti barranin li tqabbdu mill-Maġistrat Gabriella Vella fl-inkjesta Vitals, Miroslava Milenovic, Sam Sittlington u Jeremy Harbinson ikunu fiżikament preżenti fl-awla biex iwieġbu l-mistoqsijiet kollha li jsirulhom. Din l-ordni nħarġet fuq talba li saret fost oħrajn mill-Avukati tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Fil-ġimgħat li għaddew fil-Qorti kien stabbilit illi l-esperta Serba Miroslava Milenovic li tqabbdet bħala accountant forensiku, la għandha l-kwalifiki neċessarji u lanqas warrant ta’ accountant. Wara li sar magħruf dan Milenovic għażlet li ma tixhidx iktar fil-kawżi dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet. Eventwalment il-Kummissarju tal-Pulizija intalab biex jibda jinvestigaha kriminalment minħabba allegat ksur ta’ diversi artikli tal-kodiċi kriminali. 

Fl-aħħar ġimgħa sar magħruf ukoll li espert Irlandiż Sam Sittlington, kien tkeċċa mill-gvern Ingliż fuq każ ta’ allegat kunflitt ta’ interess meta kien qed jaħdem fil-Guyana fl-Amerika t’Isfel waqt illi fl-istess ħin li kien qed jaħdem fuq l-inkjesta Vitals ipprova jakkwista kuntratt mal-korp tal-pulizija ta’ Malta ta’ madwar miljun ewro.

Sar magħruf ukoll illi espert ieħor, ukoll Irlandiż, Jeremy Harbinson, kellu allegat kunflitt ta’ interess meta waqt li ħadem fuq l-inkjesta Vitals, ma ddikjarax li għal 18-il sena kien impjegat ma’ Price Waterhouse Coopers li kellhom irwol importanti fil-konċessjoni tal-isptarijiet u li iżda ftit li xejn jissemmew fl-inkjesta. Ftit tal-ġimgħat ilu mbagħad il-kumpanija ta Harbinson, li ħadmet fuq l-inkjesta Vitals, ġiet iddikjarata bħala falluta.

Sadanittant, il-Ħamis li għadda, il-Qorti Kriminali ddeċidiet li t-terminu mogħti mill-liġi sabiex hija tiddeċiedi dwar it-talba għar-revoka tal-ordni ta’ qbid u iffriżar fil konfront tal-akkużati fil-każ Vitals, jagħmilha impossibbli għaliha biex tagħmel hekk u ordnat li dak iż-żmien jitwal. 

Il Qorti tat lill-Prosekuzzjoni sas-6 ta’ Jannar sabiex tressaq nota fejn tindika minn fejn jirriżultaw mill-atti, l-ammonti li dwarhom qegħdin jitolbu l-iffriżar.

L-imputati għandhom żmien ħmistax wara s-6 ta’ Jannar sabiex jindikaw jekk iridux ittellaw lil xi xhud in sostenn tat-talba tagħhom għar-revoka tal-ordni ta’ qbid u iffrizar. 

Fil-31 ta’ Jannar imbghad il Qorti Kriminali se tisma l-provi fuq ir-rikors li tressaq għar-revoka tal-mandat dwar l-ordni ta’ qbid u iffrizar u wara tħalli l-każ għad-deċiżjoni.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport