Sunday, November 10, 2024

Ir-raġel li telaq lil familtu għal refuġjata Ukrena jiżvela li temm ir-relazzjoni magħha

Aqra wkoll

Ir-refuġjata Ukrena li bdiet relazzjoni mar-raġel ta’ koppja li għażlet li tilqagħha f’darhom minħabba l-invażjoni fl-Ukrajna rritornat f’pajjiżha minħabba li r-relazzjoni falliet wara ftit xhur.

Tony Garnett ta’ 30 sena ħabbar li kien temm ir-relazzjoni tiegħu mal-Ukrena ta’ 22 sena Sofiaa Karkadym wara li f’Mejju li għadda spiċċa fuq diversi sezzjonijiet tal-midja minħabba li kien telaq lil familtu fir-Renju Unit biex għamel dan il-pass.

Huwa kien ħalla lil martu u liż-żewġt uliedhom 10 ijiem biss wara li Karkadym marret tgħix magħhom bħala refuġjata.

Iżda minkejja dan, skont rapporti, jidher li r-raġel telaq lill-Ukrena wara biss erba’ xhur u ħallieha b’ta fuqha senduqa.

F’kummenti lill-midja, it-tfajla Ukrena qalet li hija tinsab fi triqitha lura lejn l-Ukrajna għax tħoss li għandha bżonn is-sapport ta’ familtha li ilha ma tara għal dawn l-aħħar sitt xhur. Hija qalet li tinsab emozzjonalment imfixkla u li għandha bżonn tieħu ħsieb lilha nnifisha.

Rigward l-esperjenza tagħha fir-Renju Unit, it-tfajla qalet li kien hemm ħafna affarijiet sbieħ però ma kinitx qed tistenna ċertu reazzjonijiet ibsin fil-konfront tagħha wara l-aħbar ta’ Mejju li għadda. Żiedet tgħid li madanakollu, hija temmen li ħalliet impressjoni tajba fil-pajjiż u li tinsab grata lejn dawk kollha li offrewlha l-għajnuna.

Karkadym allegat li Garnett kien aggressiv u li filwaqt li kellha ġġorr il-piż kollu tax-xogħol tad-dar hi, hu kien juża l-flus tal-benefiċċji tagħha biex iħallas il-kontijiet filwaqt li flusu jonfoqhom fuq il-logħob tal-ażżard.

“Mhux se nħallih jerbaħ. In-nisa Ukreni b’saħħithom. Vladimir Putin mhux se jkissirna u lanqas Tony Garnett mhu se jkissirni”, tenniet tgħid l-Ukrena.

Sport