Sunday, December 22, 2024

Ir-rata ta’ inflazzjoni fi Sri Lanka qabżet is-70% f’Awwissu

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni tas-Sri Lanka żdiedet għal aktar minn 70% f’Awwissu hekk kif il-pajjiż qed jissielet mal-agħar kriżi ekonomika tiegħu f’aktar minn seba’ diċennji. Data uffiċjali turi wkoll li l-prezzijiet tal-ikel żdiedu b’84.6% meta mqabbla ma’ sena ilu. 

Dan in-nazzjon fl-Asja t’Isfel ta’ 22 miljun ruħ spiċċa f’kaos finanzjarju u politiku hekk kif affaċċja nuqqas ta’ muniti barranin. Il-pajjiż ma setax jaffordja importazzjonijiet ewlenin – inkluż fjuwil, fertilizzant u mediċina. 

Ċifri uffiċjali maħruġa l-ġimgħa li għaddiet urew li l-ekonomija kienet naqset bi 8.4% fit-tliet xhur sal-aħħar t’Awwissu. Qabel il-pandemija, is-Sri Lanka kienet tiddependi ħafna fuq it-turiżmu għal muniti barranin, inkluż id-dollaru Amerikan. 

Madankollu, l-għeluq tal-fruntieri bil-għan li jnaqqas it-tixrid ta’ Covid-19 żamm lit-turisti ‘l bogħod u ħalla effett kbir fuq l-ekonomija tal-pajjiż. Dan, flimkien ma’ snin ta’ ġestjoni finanzjarja ħażina, wassal biex is-Sri Lanka naqset mid-djun tagħha aktar kmieni din is-sena. 

Is-Sri Lanka affaċċjat taqlib politiku fl-aħħar xhur, bil-president tal-pajjiż Gotabaya Rajapaksa jaħrab mill-pajjiż qabel irriżenja f’Lulju. Dan seħħ hekk kif mijiet ta’ eluf ta’ ċittadini niżlu fit-toroq, fi protesti ħafna drabi vjolenti, minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u l-fjuwil. 

Ħafna miċ-ċittadini tas-Sir Lanka tefgħu l-ħtija fuq l-amministrazzjoni ta’ Rajapaksa għall-immaniġġjar ħażin tal-kriżi. 

Ekonomija

Sport