Thursday, June 18, 2026

Ir-rata ta’ inflazzjoni tonqos għal 2.1% f’Mejju 2026

Aqra wkoll

F’Mejju 2026, ir-rata annwali tal-inflazzjoni kif imkejla mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet ta’ 2.1 fil-mija, tnaqqis mit-2.5 fil-mija tax-xahar ta’ qabel. 

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) qal li r-rata medja ta’ tnax-il xahar għal Mejju 2026 kienet taʼ 2.4 fil-mija. Ħareġ li l-ogħla rati tal-inflazzjoni annwali fʼMejju 2026 kienu rreġistrati fir-Rikreazzjoni, l-isport u l-kultura (3.9 fil-mija) u fir-Ristoranti u l-akkomodazzjoni (3.6 fil-mija). 

Min-naħa l-oħra, l-aktar rati baxxi tal-inflazzjoni annwali kienu rreġistrati fil-Ħwejjeġ u ż-żraben (-4.3 fil-mija) u fl-Informazzjoni u l-komunikazzjoni (-2.5 fil-mija). 

L-Indiċi tar-Ristoranti u l-akkomodazzjoni (+0.55 punti perċentwali), l-Indiċi tat-Trasport (+0.35 punti perċentwali) u l-Indiċi tal-Ikel u xorb mhux alkoħoliku (+0.34 punti perċentwali) irreġistraw l-akbar kontributi għaż-żieda tal-inflazzjoni annwali. Dawn kienu ġejjin l-aktar minn prezzijiet ogħla tas-servizzi tar-ristoranti, tas-servizzi tat-trasport bl-ajru u tal-laħam, rispettivament.

L-Indiċi tal-Ħwejjeġ u ż-żraben (-0.17 punti perċentwali) u l-Indiċi tal-Informazzjoni u l-komunikazzjoni (-0.12 punti perċentwali) irreġistraw kontributi li naqqsu r-rata tal-inflazzjoni annwali minħabba prezzijiet aktar baxxi tal-ħwejjeġ u taʼ servizzi tal-mowbajl, rispettivament.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport