Thursday, June 18, 2026

L-MCCAA tniedi l-11-il edizzjoni tal-Premju Servizz bi Tbissima

Aqra wkoll

L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) nediet uffiċjalment il-ħdax-il edizzjoni tal-Premju Servizz bi Tbissima, inizjattiva annwali li tagħraf u tippremja n-negozji li joffru livell eċċellenti ta’ kura lill-klijenti u servizz ta’ wara l-bejgħ ta’ kwalità għolja.

Waqt it-tnedija, ċ-Chairperson Eżekuttiv tal-MCCAA, Carmen Ciantar, qalet li l-Awtorità taħdem kontinwament biex tħares id-drittijiet tal-konsumaturi u ssaħħaħ il-fiduċja fis-suq, iżda fl-istess waqt temmen li huwa importanti li jiġu rikonoxxuti u promossi dawk in-negozji li juru impenn lejn l-eċċellenza. Hija spjegat li dan il-premju għandu l-għan li jiċċelebra n-negozji li jagħmlu l-pass żejjed biex joffru servizz ta’ kwalità għolja u jqiegħdu lill-konsumatur fil-qalba tal-ħidma tagħhom.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-MCCAA tkompli tħeġġeġ standards għoljin fil-kura tal-klijent u tippromwovi prattiki kummerċjali responsabbli li jsaħħu l-fiduċja tal-konsumaturi u jikkontribwixxu għal suq aktar ġust, trasparenti u ffukat fuq il-ħtiġijiet tagħhom.

Il-konsumaturi huma mistiedna jivvutaw għan-negozji li pprovdewhom b’servizz eċċezzjonali f’sitt kategoriji:

  • Moda u Sbuħija
  • Supermarkets u Mini Markets
  • Oġġetti Elettroniċi u tad-Dar
  • Bejjiegħa Lokali Online
  • Servizzi tal-Ivvjaġġar
  • Ħwienet tal-Annimali u tal-Pjanti

Il-votazzjoni hija miftuħa mis-16 ta’ Ġunju sal-14 ta’ Lulju 2026 u tista’ ssir online permezz tas-sit elettroniku tal-kompetizzjoni. Il-konsumaturi jistgħu jivvutaw għal aktar minn negozju wieħed, iżda huwa permess vot wieħed biss għal kull bejjiegħ f’kull kategorija.

Bħala inċentiv addizzjonali, l-parteċipanti kollha se jidħlu f’tlugħ bix-xorti biex jirbħu premju ta’ €1,000 fi flus kontanti. Wara li tagħlaq il-votazzjoni, in-negozji li jiksbu l-ogħla punteġġ f’kull kategorija jgħaddu minn proċess ta’ verifika sabiex jiġi żgurat li jkunu konformi mal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Premju, li jippromwovi t-trasparenza, servizz tajjeb lill-konsumatur, prattiki kummerċjali responsabbli u trattament effiċjenti tal-ilmenti.

Ir-rebbieħa jitħabbru waqt ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet f’Novembru 2026. Minbarra trofew u ċertifikat, ir-rebbieħa jkunu intitolati jużaw il-badge ta’ Rebbieħ Servizz bi Tbissima bħala simbolu ta’ eċċellenza u impenn lejn servizz tal-konsumatur mill-aqwa.

Għal aktar informazzjoni jew biex tivvota, żur servizzbitbissima.mccaa.org.mt jew ikkuntattja lill-MCCAA fuq 2395 2000 jew [email protected].

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport