Il-problema ta’ tnaqqis sostanzjali fin-numru ta’ tfal li qed jitwieldu bir-raġun tqajjem tħassib. Ħafna mill-konsegwenzi tat-tnaqqis ġew diskussi publikament b’impenn u b’intelliġenza, għadilli għadna bla soluzzjoni ċara u mifruxa għal kif in-natalità tista’ tiżdied. Dwar aspett wieħed ftit smajt diskors.
Jikkonċerna l-iskejjel mibnija fl-ibliet u fl-irħula. Fl-imgħoddi, gvernijiet differenti għamlu tajjeb li bnew skejjel imxerrda mat-territorju biex jipprovdu edukazzjoni primarja u sekondarja fi żminijiet meta t-tfal kienu jkunu numerużi sew. Illum in-numru ta’ tfal tal-età tal-iskola ċkien.
It-talba għal postijiet fi skejjel governattivi kienet qalgħet daqqa biż-żieda ta’ skejjel tal-Knisja u oħrajn privati li bdew isiru “moda”. Illum, numru ta’ skejjel tal-gvern qed ikollhom attendenza qawwija ta’ tfal ta’ familji barranin li jgħixu Malta. Niddubita madankollu kemm hemm skejjel li jinsabu tassew okkupati b’hekk, mhux vojta jew nofshom vojta. Ikun utli li jingħata rendikont dettaljat ta’ kemm u kif qed jintużaw l-iskejjel tal-gvern mibnija matul is-snin.
***
IL-KLIMA
Għal diversi raġunijiet, ir-rankatura li żviluppat internazzjonalment favur miżuri maħsuba biex ireġġgħu lura ż-żieda fit-temperatura tad-dinja sfumat. Diġà l-miżuri maqbula kienu msejsa fuq kompromessi li x-xjenzati qiesu bħala vvizzjati għax mhux se jkunu effettivi biżżejjed.
Illum, naqas ix-xettiċiżmu dwar il-bidla fil-klima fuq skala mondjali. Filfatt, żdiedu l-okkażjonijiet ta’ temp estrem b’mod li ma tistax tiċħdu. Juru li l-problema hi waħda attwali, anke akuta. Li tiċħad dil-ħaġa ma tantx baqgħet ħaġa tiftiehem. Ix-“xettiċi” saru jinjoraw il-problema minflok jikkumbattuha. Sadattant, b’mod stramb, waqt li kiber għarfien dwar il-bidla tal-klima, naqas l-impenn biex titwaqqaf. Inħolqu prioritajiet ġodda li donnhom qed iwasslu biex anke l-ftehimiet konklużi ħalli jitrażżan iċ-ċaqliq fit-temperaturi (jew talanqas parti minnu) jintesew.
***
TRUMP U L-IMPJIEGI
Jien wieħed minn dawk li qiesu li l-impatt fuq l-ekonomija Amerikana tal-politika mħawda (m’hemmx kelma oħra) tal-President Trump kien se jkun negattiv ħafna. Il-mod kif bid-dikjarazzjonijiet tiegħu daħħal inċertezzi dwar il-futur, it-tariffi li nieda u li kienu se joħolqu skarsezzi u prezzijiet ogħla, it-tkeċċija ta’ ħaddiema immigranti, il-gwerra mal-Iran, fost oħrajn, bilfors kellhom iħallu warajhom id-dwejjaq.
Filfatt il-prezzijiet irrankaw sew, l-aktar fil-qasam tal-enerġija. Imma kien hemm tnaqqis fid-defiċit kummerċjali Amerikan, kif xtaq Trump, għalkemm dan jista’ jinbidel mil-lum għal għada. L-istock markets Amerikani faru bin-negozji li qed isiru fuqhom, għalkemm jgħidu li dan ġej l-aktar mill-fawra finanzjarja tal-impriżi fl-intelliġenza artifiċjali.
L-aktar ħaġa sorprendenti seħħet fil-qasam tal-impjiegi. Hawn, minkejja kulma ntqal kontra l-politika ta’ Trump (kritika li naqbel magħha) seħħet żieda notevoli fl-impjegi. Għaliex u kif?

