Fl-aħħar jiem u anke fl-aħħar sigħat smajna ħafna dikjarazzjonijiet fuq il-paċi. It-tama ta’ ħafna hi li dak li qiegħed jingħad verament iwassal għal paċi fit-tul fil-lvant nofsani, reġjun li ilu mifni bil-kunflitti.
Bħal kull gwerra, l-attakki li kien hemm fil-lvant nofsani, kemm b’dawk fuq l-Iran kif ukoll bl-attakki tal-Iran fuq pajjiżi ġirien wassal għall-imwiet ta’ bosta ċivili inkluż tfal. L-attakki waslu għall-qerda ta’ sptarijiet, strutturi sanitarji u infrastruttura oħra. Minkejja li l-attakki fuq iċ-ċentri tas-saħħa huma pprojbiti bil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, iktar minn 300 struttura fl-Iran sfaw milqutin waqt l-attakki. Dawn huma attakki li ftit li xejn smajna bihom. Huma attakki li twarrbu mill-għajnejn tal-pubbliku inġenerali fid-dinja tal-Punent.
U ma ninsewx li waqt li l-media kienu ffukati fuq il-bumbardamenti fl-Iran u l-pajjiżi tal-Golf, b’mod parallel ġew imwettqa attakki b’mod indiskriminat kontra l-poplu tal-Libanu. L-ikbar attakk li wassal għall-mewt ta’ iktar minn 250 persuna ġie mwettaq proprju wara li ġie mħabbar ftehim temporanju għall-waqfien mill-ġlied fl-Iran. Din ma kinitx l-ewwel mewġa ta’ ġlied fil-Libanu. Iż-żieda fl-attakki fuq l-infrastruttura wasslet sabiex ċerti żoni ġew iżolati tant li l-ebda għajnuna umanitarja ma tista’ tilħaq lin-nies li jgħixu hemm.
Minkejja id-dikjarazzjoni ta’ paċi, f’Gaża għadha għaddejja l-kriżi umanitarja. Kriżi karatterizza minn nuqqas ta’ ikel, nuqqas ta’ sanità u servizzi tas-saħħa. Fil-fatt, minkejja il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied, is-sitwazzjoni fil-Palestina baqgħet waħda prekarja immens. Minkejja is-suppost waqfien mill-ġlied xorta waħda ġew maqtula għadd ta’ persuni ċivili innoċenti.
Ma’ dan imbagħad għandek tbatijiet kbar kontinwi għan-nies f’Gaża. Nuqqas kbir ta’ ikel u mediċini. Dan minbarra s-sitwazzjoni mwiegħra fix-Xatt tal-Punent fejn Iżrael qed jibni numru dejjem jiżdied ta’ kolonji li qed iċaħħdu lill-Palestinjani mill-ftit art li fadlilhom.
Id-diżappunt quddiem dan kollu tibqa’ l-Unjoni Ewropea. Minkejja li hi bbażata u mibnija fuq is-solidarjetà u minkejja li riedet li tagħmel impatt fil-politika barranin, dan baqa’ ma seħħx. Dan għax il-pożizzjoni tagħha dejjem kienet waħda dgħajfa. Rajna kif fuq il-kunflitt f’Gaża, l-Unjoni Ewropea damet ħafna siektà u meta tkellmet ma’ kienet voċifera biżżejjed. Donnu imbagħad serrħet il-kuxjenza meta tħabbar is-suppost ftehim ta’ waqfien mill-ġlied. Dan meta llum xorta waħda għad hemm attakki u xorta waħda għad hemm tbatija kbira. Illum imma l-istess Unjoni Ewropea hi siekta.
Hi ħasra li l-Unjoni Ewropea għal ħafna żmien għażlet, għax riedet hi, li tkun spettatur quddiem attakki fuq l-innoċenti. Attakki li ħallew bla ħajja, trabi. Tfal. Ommijiet. Missirijiet. Attakki li qerdu skejjel. Sptarijiet.
Il-paċi. Kelma li nisimgħuha kontinwament. Ħafna politiċi jitkellmu fuqha u jirkbu fuqha skont kif jaqblilhom. Ir-realtà imma biex tinkiseb il-paċi irid ikollok rieda. Ma tiddejjaqx tieħu pożizzjoni. Ma tiddejjaqx tgħid l-affarijiet kif inhuma, akkost li tidher ikrah. Biex tinkiseb il-paċi, trid ixxammar il-kmiem. Trid tieħu l-inizjattivi. Trid tuża id-diplomazija. Bil-paroli biss ma tasalx.
Nittamaw biss li għallinqas wara xhur ta’ qtil ta innoċenti, dan ir-reġjun isib lura l-istabbilità.

