Tuesday, May 14, 2024

IR-REATI FOST IL-MINORENNI … TEĦTIEĠ AZZJONI IMMEDJATA!

Aqra wkoll

Proprju ftit tal-jiem ilu smajna b’każ fejn argument żviluppa fi ġlieda bejn żewġ studenti tfajliet ta’ 12-il sena waqt il-brejk tal-iskola li żvolġa f’waħda mit-tfal tidħol fil-kċina u taqbad sikkina f’idha. B’xorti tajba, dan l-inċident twaqqaf b’mod immedjat mill-edukatur li kien qed jagħmel superviżjoni.

Għalkemm narawha stramba u tat-tkexkix, u naħsbu li każi bħal dawn iseħħu biss barra pajjiżna, dan mhuwiex il-każ għax pajjiżna mhuwiex immuni minn sitwazzjonijiet bħal dawn. Minn tweġiba parlamentari inħarġu ċifri propji ta’ reati fost il-minorenni.

Dawn iċ-ċifri wrew li f’sentejn, bejn l-2020 u l-2022 kellna mhux inqas minn 190 każ quddiem il-Qorti tal-Minorenni, li kienu jinvolvu żgħażagħ ta’ bejn l-14 u t-18-il sena.

Is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna taħseb mhux biss biex toffri t-tagħlim akkademiku lil uliedna imma wkoll edukazzjoni soċjali biex l-istudenti jitilgħu f’irġiel u nisa eżemplari. Is-sistema wkoll tobbliga li jkun hemm s-superviżjonijiet neċessarji fost it-tfal. Infatti dal-każ ġie evitat malli seħħ, grazzi għall-azzjomni mmedjata u l-impenn effettiv mill-edukaturi li kienu fuq superviżjoni.

Minbarra l-passi dixxiplinarji fil-konfront taż-żewġ studenti, dawn qed jingħataw ukoll l-għajnuna meħtieġa fiċ-ċirkostanza mit-tim psikosoċjali li joffri l-Istat f’każi bħal dawn.

Dan il-każ għandu jiftaħ beraħ għajnejn it-tmexxija ta’ kull skola f’pajjiżna ħalli inċidenti bħal dawn ma jitħallewx jiġru u jekk jiġru l-azzjoni għandha tkun immedjata u effttiva.

Għandna wkoll niflu sew x’qed jiġri biex insibu r-raġuni għala tfal minn eta’ daqshekk żgħira jistgħu jkunu vjolenti tant li jġorru l-armi fil-basket tal-iskola. 

Il-vjolenza hija l-iqsar triq għall-poter. U ladarba din tindara, ikun diffiċli mbagħad li t-tfal jaċċettaw modi oħra biex jiksbu influwenza.

Ħafna drabi, il-ġenituri wkoll ikollhom bżonn taħriġ professjonali biex jimmaniġġjaw il-problema tal-vjolenza f’uliedhom. Il-ġenituri huma fid-dmir li jgħallmu lill-uliedhom, anke bl-għajnuna ta’ nies professjonali, il-ħiliet neċessarji biex isolvu l-problemi sabiex ikollhom mod alternattiv kif jittrattaw is-sitwazzjonijiet u s-sentimenti tagħhom.

M’hemm l-ebda skuża għall-abbuż. It-tfal għandhom ikunu mrawma jkunu responsabbli għall-imġieba vjolenti tagħhom tkun xi tkun il-ġustifikazzjoni. Ebda provokazzjoni mhi ġustifikazzjoni għall-vjolenza.

Huwa meħtieġ li t-tfal jiġu mgħallma li hemm konsegwenzi għal kull azzjonijiet. Xogħol il-ġenituri huwa li jgħallmu lit-tfal liema mġieba hija korretta u liema mhijiex. 

Illum, l-għajnuna hija disponibbli. Hemm programmi dwar l-imġiba kif ukoll terapisti u parent coaches li jistgħu jaħdmu mal-familji. Mhijiex skuża li xi ħadd jgħid li ma jafx. L-għajnuna trid tfittixha biex issibha.

Sport