Saturday, May 4, 2024

Raġel se jitressaq il-Qorti llejla b’rabta mal-qtil tal-klieb fis-Sannat

Aqra wkoll

B’rabta ma’ dan il-każ, aktar tard illum, għall-ħabta tad-9:00 p.m, il-
Pulizija ser tressaq raġel il-Qorti t’Għawdex, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech.

Intant skont sorsi qrib l-investigazzjonijiet jidher li din ma kinitx l-ewwel darba li l-klieb kienu aggressivi hekk kif ftit tal-jiem qabel f’inċident separat, tifla li kienet għaddejja bil-kelb tagħha kellha tkun assistita minn persuna wara li l-istess klieb pruvaw jattawlha l-kelb. Skont l-istess sors, jidher li dawn ma kinux l-uniċi klieb u li dawn kienu jiffurmaw parti minn grupp ta’ klieb oħra.

Talk.mt tinsab infurmata li l-akkużat kien għaddej bil-merħla tiegħu meta dawn allegatament sfaw attakkati mill-istess klieb li ftit wara nstabu mejta.

Aktar informazzjoni fil-ħin li ġej…

Aktar kmieni: Il-Pulizija tkellem raġel b’rabta mal-allegat qtil ta’ żewġt iklieb f’Għawdex

Il-Pulizija qed tkellem raġel ta’ 51 sena bħala parti mill-investigazzjoni li tinsab għaddejja b’rabta mas-sejba ta’ żewġt iklieb li nstabu mejta f’Għawdex.

Il-Pulizija rċeviet rapport ilbieraħ għall-ħabta tas-5:45 p.m li fi Triq il-Għaxra t’Ottubru 1942 f’Ta’ Sannat kienu ġew maqtulin żewġt iklieb. Huma marru minnufih fuq il-post fejn sabu żewġt iklieb tar-razza Fox Terrier li possibbilment inqatlu b’tiri t’arma tan-nar.

Immedjatament inbdew l-investigazzjonijiet mill-Pulizija filwaqt li l-klieb ġew elevati minn uffiċjali mid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Simone Grech qiegħda tmexxi l-inkjesta.

Sport