Saturday, December 21, 2024

Ir-reati tal-gwerra fl-Ukrajna

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Meta issa għaddew ftit aktar minn mitt ġurnata minn meta r-Russja invadiet lill-Ukrajna, l-attenzjoni tal-midja internazzjonali qiegħda ddur fuq l-aspett legali ta’ din il-gwerra. Qegħdin naraw żieda fil-momentum sabiex l-Ukrajna tieħu lir-Russja quddiem diversi qrati internazzjonali fuq akkużi ta’ twettiq ta’ reati tal-gwerra. 

Fil-fatt, sa issa, l-Ukrajna rrappurtat xejn anqas minn 15,000 każ ta’ allegati offiżi kriminali li saru mir-Russja matul dawn il-mitt ġurnata ta’ ġlied. Barra minn hekk, l-Ukrajna identifikat mas-600 persuna li qegħdin jiġu akkużati li wettqu xi forma jew oħra ta’ offiżi kriminali matul il-ġlied, l-aktar fir-reġjuni tal-Lvant tal-Ukrajna, bħal dak tad-Donbas.

Dawk l-akkużi jinkludu każi ta’ allegati deportazzjonijiet ta’ nies ċivili Ukreni — li jinkludu anke tfal — lejn ir-Russja, każi ta’ tortura fuq nies ċivili minn membri tal-armata Russa, ħsara fuq proprjetà u saħansitra każi ta’ qtil ta’ nies ċivili; akkużi li kollha jaqgħu taħt il-lista ta’ reati li huma meqjusa bħala reati tal-gwerra.

Id-definizzjoni legali ta’ reati tal-gwerra?

Il-qofol tal-kunċett tad-definizzjoni rigward x’inhuma r-reati ta’ gwerra huwa li jkun hemm mekkaniżmu sabiex individwi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għall-offiżi kriminali li jkunu saru waqt xi gwerra jew għal deċiżjonijiet li jkunu waslu sabiex tinħoloq gwerra mingħajr l-ebda raġuni.

Fil-kodiċi kriminali internazzjonali, ir-reati tal-gwerra huma fost l-aktar reati gravi li jista’ jkun hemm. Tant huwa hekk, li rigward reati ta’ din ix-xorta, ma jeżisti l-ebda limitu ta’ żmien minn meta jkun sar ir-reat li fih l-akkużat jista’ jitressaq quddiem il-qorti.

Id-definizzjoni ta’ x’jikkostitwixxi reat tal-gwerra hija bbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jew fuq l-istatut tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali — tribunal li huwa bbażat fl-Olanda.

Id-definizzjoni legali hija maqsuma fuq erba’ kategoriji ta’ reati li huma:

1. Reati kontra l-paċi

Dawn jinkludu l-ippjanar, il-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, kif ukoll il-parteċipazzjoni fit-twettiq ta’ pjanijiet ta’ aggressjoni li jiksru trattati internazzjonali.

2. Reati tal-gwerra

Dawn jinkludu ksur ta’ liġijiet li jirregolarizzaw il-ġlied ta’ gwerer, atroċitajjiet jew offiżi kontra nies ċivili, ħsara fuq proprjetà, qtil u deportazzjonijiet ta’ nies ċivili, trattament ħażin ta’ nies ċivili, trattament ħażin tal-priġunieri tal-gwerra, qtil ta’ ostaġġi, tortura, u l-użu ta’ armi li l-użu tagħhom mhuwiex permess (bħal dak ta’ armi bijoloġiċi).

3. Reati kontra l-umanità

Dawn jinkludu atroċitajiet mill-invażuri kontra l-popolazzjoni, l-użu ta’ nies ċivili u priġunieri ta’ gwerra bħala skjavi, stupri, u kull xorta ta’ persekuzzjoni.

4. Ġenoċidju

Dan it-terminu daħal fil-vokabularju internazzjonali fl-1943, meta l-Avukat Pollakk ta’ nisel Lhudi, Raphael Lemkin, kien għaqqad il-kliem bil-Latin ‘genos’ (li tfisser ‘razza’) u ‘cide’ (li tfisser qtil). Għalhekk, ġenoċidju huwa litteralment il-qtil ta’ poplu jew razza. Naturalment, l-aktar ġenoċidju magħruf fl-Istorja huwa dak tal-Lhud min-Nażisti fit-Tieni Gwerra Dinjija. Però, riċentament kellna mill-anqas żewġ ġenoċidji oħra li huma dak tal-Jugoslavja u tal-Irwanda, li t-tnejn li huma seħħew fis-snin 90 tas-seklu l-ieħor.

L-istorja legali tar-reati tal-gwerra

Il-kunċett li ċertu azzjonijiet jiġu meqjusa bħala reati tal-gwerra huwa wieħed relattivament ġdid. Qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, kienet ħaġa aċċettata li matul il-gwerer isiru atroċitajiet gravi. Qabel l-1945, kienet prassi normali li l-mexxejja militari u l-politikanti kienu jeħilsuha minn kull tip ta’ kastig għall-azzjonijiet tagħhom matul xi gwerra. Barra minn hekk, ma kienet teżisti l-ebda struttura legali li permezz tagħha dawn il-mexxeja militari u politikanti jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tas-suldati ta’ pajjiżhom.

Kien propju wara l-ġenoċidju tal-Lhud u l-atroċitajiet mingħajr preċedent li wettqu t-truppi Ġappuniżi, li kif ġiet fi tmiemha t-Tieni Gwerra Dinjija, inħass il-bżonn mill-alleati li l-mexxejja politiċi u militari tal-Ġermanja u tal-Ġappun jitressqu quddiem il-ġustizzja.

Però, wara l-ġurijiet ta’ Nurimberga, li fihom kienu tressqu quddiem il-ġustizzja l-krema tal-politiċi Nażisti kif ukoll l-ogħla uffiċjali tal-armata Ġermaniża, kien baqa’ d-dubju li l-uniċi nies li kienu qegħdin jaffaċċjaw il-ġustizzja minħabba reati tal-gwerra kienu fuq in-naħa telliefa biss. Dan id-dubju sa ċertu punt ġie indirizzat wara l-gwerer tal-Jugoslavja u tal-Irwanda li semmejna aktar ‘il fuq.

Illum teżisti struttura legali fejn mexxejja politiċi u militari, organizzaturi, instigaturi u dawk kompliċi fl-eżekuzzjoni ta’ reati tal-gwerra jinżammu responsabbli għal dak li jkunu għamlu s-suldati ta’ pajjiżhom. Dan bla ebda mod li jneħħi mir-responsabilità tas-suldati li jwettqu reati ta’ gwerra anke meta huma jkunu qegħdin jobdu l-ordnijiet tal-awtoritajiet tagħhom.

X’qiegħed jiġri fl-Ukrajna?

Is-suġġett li qegħdin niddiskutu llum seraq l-attenzjoni tal-midja internazzjonali wara li l-Qorti tal-Ukrajna ressqet quddiemha suldat Russu bl-isem ta’ Vadim Shishimarin wara li ġie mixli li qatel raġel Ukren ta’ 62 sena. Dan ir-Russu ta’ 21 sena ntbagħat għomru l-ħabs. 

Is-suldat żagħżugħ Russu li weħel għomru l-ħabs għax qatel Ukren ta’ 62 sena

Barra minn dan il-każ, il-Qorti tal-Ukrajna bagħtet żewġ suldati oħra Russi għal 12-il sena ħabs wara li sparaw ġewwa żoni residenzjali mingħajr l-ebda motiv militari.

Kważi ta’ kuljum, il-midja internazzjonali qiegħda tirrapporta mijiet ta’ każi ta’ swat u tortura fil-konfront ta’ nies Ukreni minn truppi Russi. Kien hemm ukoll rapporti ta’ oqbra mimlija b’għexieren ta’ katavri u ta’ attakki fuq l-iskejjel.

Kif tista’ ssir ġustizzja?

Bażikament hemm żewġ istituzzjonijiet legali internazzjonali li jistgħu jiġu assoċjati ma’ kif tista’ ssir ġustizzja mal-invażuri Russi. 

L-ewwel istituzzjoni hija l-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali. Però, din il-qorti ma tistax tressaq quddiemha individwi. Hija qiegħda hemm sabiex tissetilja kwistjonijiet ta’ bejn il-pajjiżi. Fil-fatt, l-Ukrajna diġà fetħet każ kontra r-Russja fuq l-invażjoni. Kemm-il darba din il-qorti ssib lir-Russja ħatja, il-Kunsill tal-Ġnus Magħquda huwa marbut li jimplimenta s-sentenza fil-konfront tar-Russja. Però, minħabba li r-Russja hija membru fi ħdan dan il-Kunsill, dan jista’ jitwaqqaf milli jagħmel dan.

L-istituzzjoni l-oħra hija l-Qorti Kriminali Internazzjonali. Din il-Qorti tista’ tressaq individwi quddiemha. Però, sabiex persuna titressaq quddiem din il-Qorti, din trid tiġi estradita minn pajjiżha; ħaġa li r-Russja żgur mhijiex sejra tagħmel liċ-ċittadini tagħha.

Għalhekk, sabiex individwi Russi jitressqu quddiem il-ġustizzja, hemm il-bżonn li jiġi ffurmat tribunal apposta għal dan il-għan, kif fuq kollox kien ġara wara l-gwerra tal-Jugoslavja u tal-Irwanda.

Kif rajna aktar ‘il fuq, ir-Russi għandhom ħafna modi ta’ kif jistgħu jaħarbu mill-madmad tal-ġustizzja internazzjonali. Il-komunità internazzjonali trid tassigura li l-ġustizzja ssir ma’ kulħadd, indipendentement mis-saħħa politika ta’ pajjiż partikolari.

Ekonomija

Sport