Friday, April 19, 2024

“Nittama li nagħmel farka minn dak li għamel missieri għall-Club ta’ Hibernians”

Il-President ta’ Hibernians, Ranier Bezzina

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-football?

Kien missieri li kien jeħodni l-ground meta kie­nu jilagħbu Hibernians li kienu t-team ta’ qalbu u minn dejjem nissel fija din l-imħabba lejn dan it-team. 

Jien ma tantx lgħabt foot­ball u għalhekk iddeċidejt li iktar ngħin lil missieri, Tony, f’dak kollu li kellu bżonn fl-amministrazzjoni tal-club ta’ Hibernians.

Matul dan l-istaġun irbaħtu l-kampjonat fejn apparti li żammejtu l-konsis­tenza, urejtu l-aħjar logħob tal-istaġun. X’inhuma l-fehmiet tiegħek dwar dan kollu?

Naħseb is-sigriet sabiex wasalna għal dan is-suċċess kienet l-għaqda bejn il- players, il-coaches u l-istaff tekniku. Konna familja waħda sa mill-bidu tal-is­taġun u dan affettwa fir-riżultati. 

Minkejja li konna f’mument ta’ diffikult fix-xahar ta’ Jannar fejn waqqajna l-punti, xorta waħda bqajna magħqudin u qatt ma qtajna qalbna. Naħseb dan kien fattur importanti biex wasalna għal dan ir-riżultat.

Kontu viċin li tiksbu d-double iżda dik is-semi-finali tal-FA Trophy kontra Floriana ma rnexxilkomx tirbħuha …

Iva veru. Dakinhar forsi ma konniex l-aħjar team fil-ground, anzi Floriana dehru aktar motivati minna li jiksbu r-riżultat. Dawn huma affarijiet li jiġru fl-isport, xi ħadd irid jirbaħ u xi ħadd irid jitlef.  Peró, Flo­riana rebħu meritatament.

Irbaħtu l-kampjonat proprju fil-mitt sena anniversarju tal-club. Bla dubju li s-sodisfazzjon huwa kbir hux hekk?

Iva dan il-kampjonat ifisser ħafna għalina bħala club. Kien hemm diversi fatturi partikolari li fisser ħafna bħala Hibernians.

Apparti kampjonat mirbuħ fil-mitt sena anniversarju, kienet ukoll l-ewwel sena mill-mewt ta’ missieri, Tony, u allura l-ewwel sena tiegħi bħala president fejn irritornajna lura bħala l-aqwa team tal-kampjonat Malti. 

Ersaqna viċin f’dawn l-aħħar snin iżda dejjem tlifna l-logħba deċiżiva u għalhekk verament ninsabu kuntenti li wasalna għal dan it-tragward, fi staġun beda fuq nota pożittiva u spiċċa fuq nota pożittiva wkoll.

Beħsiebek tkompli miexi fuq il-passi ta’ missierek Tony Bezzina li nafu li għamel ħafna għal Hiber­nians?

Li għamel hu żgur mhux se nagħmlu jien. Tinsiex li huwa għamel 43 sena pre­sident filwaqt li taħt it-tmexxija tiegħu rbaħna disa’ kampjonati, sitt darbiet l-FA Trophy u tliet darbiet is-Super Cup.

Nittama li għallinqas jirnexxieli nagħmel farka minn dak li għamel hu għal dan il-club!

Ftit tal-ġimgħat oħra terġgħu tkunu fl-azzjoni din id-darba fil-kompetiz­zjoni tal-UEFA Champions Lea­gue. Kif qed tippreparaw għal din il-kompetizzjoni?

L-ewwelnett qed nibnu l-iskwadra għall-istaġun li ġej sa minn issa. Diversi players stabbiliti se jib­qgħu fl-iskwadra u magħ­hom se jiżdiedu players ġodda.  

Ix-xogħol tal-istaff tek­niku mmexxi minn Jesmond Abela flimkien mal-coach Stefano Sanderra u l-assistent tieghu Ryan Pulis diġa’ qed jagħmel l-irtokki neċessarji sabiex jara li f’kull dipartiment ikollna l-elementi kollha għad- dispożizzjoni tagħna. 

Bla dubju, irridu li meta mmorru nilagħbu fil-UEFA Champions League, in­kunu qed nagħmlu unur lil Malta bl-aqwa mod possibbli.

Semmejt li Stefano San­derra. Kemm kien determinanti dan il-coach sabiex wasal is-suċċess mixtieq?

Stefano Sanderra huwa coach professjonali ħafna li jipprepara t-tattika tie­għu sew filwaqt li jipprepara b’reqqa liema bħalha mhux biss it-taħriġ tiegħu iżda wkoll il-partiti li Hibernians se jkunu qed jilagħbu. 

Hu ffirma kuntratt ieħor li se jkun qed iżommu magħna għas-sentejn li ġejjin. Peró, il-coach ma jaħdimx waħdu. Miegħu għandu wkoll lil Ryan Pulis bħala assistent li huwa persuna preparata u dedikata ħafna. 

Magħhom ukoll hemm Alex Camilleri u Simon Agius li jippreparaw lill- goalkeepers, kif ukoll il- physical trainer Karl Farrugia. Ma nistax ma nsemmix ukoll persuni oħra li jaħ­dmu għall-club fosthom lil Jesmond Abela li hu l- moħħ wara dan it-team preżenti, u lill-membri tal- kumitat fosthom Stephen Abela u Victor Ellul li apparti li huma involuti fit tmexxija tal-club jgħinu wkoll fil-Hibernians Football Academy. Persuna oħra li ma tantx tħobb tidher iżda nsibuha dejjem ta’ għajnuna amministrattiva huwa l-viċi- president tal-club, Alex Montebello.

Dawn in-nies flimkien mal-membri l-oħra tal-kumitat jagħmlu xogħol kbir għall-club li mhux dejjem jidher iżda qiegħed hemm­hekk. 

Nixtieq nieħu l-opportunitá li wkoll nirringrazzja lill-familjari tal-membri tal-kumitat tagħna tal- paċenzja li jieħdu bina. 

Nitkellmu issa dwar temi marbuta mal-football Malti. Taqbel ma’ Kampjonat Premier bi 12-il team?

Iva fiċ-ċirkostanzi li kel­lna f’dawn l-aħħar snin, naħseb li kienet l-aqwa soluzzjoni possibbli. Xi kultant aktar ma nżidu t-timijiet, teżisti possibbiltá lli ma jkunx hemm logħob interessanti.

Temmen li jeżisti distakk bejn it-timijiet li jinsabu fin-naħa ta’ fuq u dik t’isfel tal-klassifika?

Ma nemminx li hemm xi distakk enormi bejn il-parti ta’ fuq u dik t’isfel tal-klassifika. Kull team kapaċi joffri logħba diffiċli speċjalment jekk ikollu barranin tajbin.

Aħna għaddejna minnha f’Jannar meta timijiet meqjusa żgħar żammewna draw u għalhekk qatt ma tista’ sserraħ rasek li se jkun hemm xi logħba faċli. 

Taqbel mar-regola li jkun hemm 11-il barrani f’team tal-Kampjonat Premier?

Iva naqbel għal raġuni­jiet finanzjarji. Peró, personalment tmur kontra l-filosofija u l-prinċipju tal- club tagħna. 

Aħna dejjem ninvestu fl-Akkademja tagħna biex intellgħu kemm jista’ jkun players in-house.Madan­kollu fiċ-ċirkostanzi pre­żenti, is-suq ta’ players barranin qed jinfetaħ dejjem aktar. Jekk player Malti jkun tajjeb, xorta għandu ċans jilgħab … anzi jsibha bħala kompetizzjoni sabiex jirbaħ postu. 

Fil-fatt, il-maġġoranza tal-players Maltin li kienu fin-nazzjonal f’dawn l-aħ­ħar snin kienu prodotti tal-club tagħna.

Iżda minkejja kollox, kemm qed ikunu ta’ livell il-player barranin li qed jinġiebu f’Malta?

Jien nemmen li player barrani li jiġi jilgħab f’Malta ma jkunx ta’ xi livell ta’ barra minn hawn għax kieku jmur jilghab f’kampjonati iktar important.

Madankollu l-livell tie­għu jkun tajjeb għall- kampjonat Malti. Ġieli jkun hemm barranin li jispikkaw f’Malta u li jibqgħu telgħin tarġa tarġa sakemm jaslu fejn jixtiequ.

Kemm taħseb li l-futur ta’ Hibernians jidher wie­ħed sabiħ?

Nispera li jkun hekk. Aħna fil-veritá ma biddilna xejn mill-mod ta’ kif kien imexxi missieri.  

Irridu nżommu saqajna mal-art u dejjem naħdmu qatigħ sabiex inżommu l- iskwadra tagħna ferm kompetittiva u magħquda għax tinsiex li clubs oħrajn issa jridu jagħ­tuna sfida għall-ista­ġun li ġej.

Nixtieqek twassal messaġġ finali lill-partitarji numerużi ta’ Hibernians.

Nixtieq nirringrazzja lil dawk il-partitarji li mill-bidunett tal-kampjonat ma fallewx logħba u nħeġ­ġeġ lil dawk il-partitarji li jħallu għall-aħħar biex jin­għaqdu magħhom mill- bi­du tal-istaġun. Dan min­ħabba li l-”appoġġ” huwa t-12-il player tagħna. 

Għal darb’oħra nixtieq ngħid grazzi lill-membri tal-kumitat, il-familji tagħ­hom u nies oħra voluntiera li dejjem jaraw li l-club tagħna jibqa’ wieħed kompetittiv.

Sport