Sunday, December 22, 2024

Ir-Renju Unit u l-Irlanda se jorganizzaw l-Euro 2028

Aqra wkoll

Ir-Renju Unit u l-Irlanda issa se jagħmlu offerta min­għajr oppożizzjoni għall-Euro 2028 wara li t-Turkija rtirat biex tiffoka fuq offerta konġunta mal-Italja għall-Euro 2032.

It-Turkija qablet li tgħaqqad l-offerta tal-Euro 2032 tagħha mal-Italja f’Lulju u dan issa ġie approvat mill-korp governattiv, il-UEFA.

Filwaqt li l-Italja kellha biss offerta għat-tournament tal-2032, it-Turkija kellha offerta biex tospita kemm l-Euro 2028 kif ukoll l-2032.

Iż-żewġ offerti għad għandhom bżonn l-approvazzjoni uffiċjali mill-UEFA f’laqgħa tal-kumitat eżekuttiv tagħha nhar it-Tlieta.

“Dawn huma żminijiet eċċitanti u għandna proposta konvinċenti ħafna għall-Euro 2028 għall-UEFA,” tgħid stqarrija konġunta mill-ħames assoċjazzjonijiet nazzjo­nali, l-Ingilterra, l-Iskozja, Wales, l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Irlanda.

“L-offerta tagħna se tkun innovattiva għall-Euro tal-irġiel u se twassal wirt dejjiemi madwar ir-Renju Unit u l-Irlanda kollha.”

Il-UEFA qalet: “Il-preżentazzjonijiet f’dik il-laqgħa se jkunu parti importanti mill-proċess li se jieħu konside­razzjoni xierqa tal-kontenut tas-sottomissjonijiet tal-offerti qabel ma tittieħed deċiżjoni.”

It-Turkija ospitat il-finali taċ-Champions League ta’ Ġunju bejn Manchester City u Inter fl-Ataturk Olympic Stadium ta’ Istanbul, iżda qatt ma sar tournament internazzjonali ewlieni fil-pajjiż.

Iċ-champions Ewropej renjanti, l-Italja, ospitaw il-Euro tal-1968 u tal-1980 u Stadio Olimpico ta’ Ruma ntuża wkoll bħala post għall-Euro 2020.

F’April, intgħażlu 10 stadiums għall-offerta tar-Renju Unit u l-Irlanda, fosthom Hampden Park ta’ Glasgow, Principality Stadium ta’ Cardiff, Aviva Stadium ta’ Dublin u Wembley Stadium f’Londra.

Casement Park ta’ Belfast u Bramley-Moore Dock ta’ Everton, tal-ewwel mhux mibni filwaqt li tal-aħħar għadu qed jinbena, huma inklużi wkoll fl-offerta.

L-Irlanda, l-Irlanda ta’ Fuq u Wales qatt ma ospitaw tournament maġġuri.

L-Ingilterra kienet waħda mill-11-il pajjiż li ospitaw il-Euro 2020 flimkien mal-Iskozja, kif ukoll kienu ospiti uniċi tat-Tazza tad-Dinja tal-1966 u tal-Euro 96.

Ri-eżami tad-diżordni tal-finali tal-Euro 2020, li saret f’Wembley, sabet “delinkwenti bla biljett, fis-sakra u drogati” setgħu jikkawżaw il-mewt għal ħaddieħor hekk kif daħlu fl-istadium.

L-istadiums ospiti tar-Renju Unit u l-Irlanda tal-Euro 2028 huma:

 1. Wembley Stadium (Londra) (kapaċità 90,652)

 2. Principality Stadium (Cardiff) (73,952)

 3. Tottenham Hotspur Stadium (Londra) (62,322)

 4. Etihad Stadium (Manchester) (61,000)

 5. Everton Stadium (Liverpool) (52,679)

 6. St James’ Park (Newcastle) (52,305)

 7. Villa Park (Birmingham) (52,190)

 8. Hampden Park (Glasgow) (52,032)

 9. Aviva Stadium (Dublin) (51,711)

10. Casement Park (Belfast) (34,500)

Ekonomija

Sport