Thursday, March 28, 2024

IR-RESPONSABBILTÀ ĠURNALISTIKA

Aqra wkoll

Qatt ma ħsibt, li dak li qrajt, dak li ktibt, taf xi tgħid? 

Quddiem ilsieni għandi snieni, aħjar le taqax għaċ-ċajt 

imma le, komdu komdu, fuq pultruna u b’subgħajk 

tagħfas hemm il-buttuna tikkummenta, bla ma smajt.

Din hija silta mill-kanzunetta ‘Simili’ ta’ The Travellers li fiha rilevanza kbira illum aktar minn qatt qabel. Rilevanza f’kuntest ta’ dinja globalizzata li qed ngħixu fiha fejn l-aħbar tiġri aktar mill-veloċità tad-dawl. Fejn l-aħbar tasal għand kulħadd; kbir u żgħir, fqir u sinjur, Malti jew barrani. 

L-aħbar li biddlet il-mod kif isir il-ġurnaliżmu, kif titwassal l-aħbar, kif tinġabar l-istorja. Dinja globalizzata li rrivoluzzjonat il-mod kif dejjem rajna l-ġurnaliżmu. Opportunità kbira għas-settur tagħna però fl-istess waqt sfida u wisq aktar titfa’ fuqna responsabiltà kbira kif inwasslu l-aħbar. 

Responsabiltà għax il-linja ta’ bejn dak li huwa aċċettabbli u le, bejn dak li hu insensittiv u le, bejn dak li hu moralment ġust u le, bejn dak li hu ċert u le u tant irqiqa li ħafna drabi ma nirrealizzawx li nkunu qbiżnieha.

Imma x’fiha b’daqshekk? Żball kulħadd jagħmlu, le? Iva u le għax wara kollox, wara dik l-aħbar hemm nies, hemm familji, hemm stejjer, hemm problemi, hemm uġigħ, hemm weġgħat li dik l-aħbar taf tkabbar, taf tikkumplika taf toħloq inkwiet u dannu kbir. 

Għax b’ritratt, b’messaġġ, b’opinjoni taf tagħmel differenza fil-kuntest ta’ storja, ta’ aħbar ta’ każ. Għax bl-aħbar li nxandru u li ntellgħu fuq is-siti elettroniċi tagħna u fuq is-siti soċjali in-nies se jiġġudikaw, se jikkumentaw, se jikkritikaw skont il-mod kif inxandru dik l-imbierka aħbar. 

Għaldaqstant, ir-resposabbiltà tibqa’ fuq il-ġurnalist dwar il-mod li bih ixandar jew jippubblika l-aħbar. Is-sensittività għandha tibqa’ f’moħħ kull ġurnalist li xogħlu hu li jinforma u mhux li jifforma il-mod ta’ kif wieħed jaħseb jew iħares lejn l-affarijiet. 

Ekonomija

Sport