Monday, November 11, 2024

Ir-riċerka u l-innovazzjoni bi rwol importanti fil-kura u fis-saħħa

Aqra wkoll

Il‑Kunsill Malti għax‑Xjenza u t‑Teknoloġija (l‑MCST) flimkien mal‑entitajiet parteċipi fil‑partnership Transforming Health and Care Systems (THCS), nedew l‑ewwel sejħa kollaborattiva għal entitajiet lokali kemm mis‑settur privat kif ukoll minn dak pubbliku sabiex jikkollaboraw ma’ entitajiet internazzjonali fuq proposti ta’ riċerka.

Dan il‑fond konġunt bit‑titlu ‘Healthcare of the Future’ għandu baġit ta’ €500,000 fis‑sena.

L‑MCST hija waħda minn 63 entità minn 26 pajjiż li qed jipparteċipaw fil‑Partnership fuq it‑Trasformazzjoni tas‑Sistemi ta’ Saħħa u Kura taħt il‑Programm Horizon Europe.

Is‑sistemi ta’ saħħa u kura fl‑Ewropa qed jiffaċċjaw sfidi komuni li jirrikjedu soluzzjonijiet koordinati. THCS tirrappreżenta opportunità strateġika u unika fejn entitajiet u partijiet differenti interessati jingħaqdu, joħolqu sinerġija, jikkordinaw ir‑riċerka u l‑innovazzjoni, jiffaċilitaw id‑diġitalizzazzjoni tas‑servizzi ta’ saħħa u kura, u jissapportjaw it‑trasformazzjoni tas‑sistemi ta’ saħħa u kura permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi mimlija b’għarfien u b’evidenza.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti indirizza l-laqgħa ta’ informazzjoni mar-riċerkaturi u mal-membri konċernati u qal, “Aħna kburin li Malta hija waħda mill-pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-programm THCS. Malta qiegħda tinvesti bil-kbir f’dan il-programm, tant li allokat €3.5 miljun ta’ fondi nazzjonali fuq medda ta’ seba’ snin.”

Huwa spjega li programmi bħal dawn se jippromwovu l-innovazzjoni fis-settur tas-saħħa għall-benefiċċju taċ-ċittadini. “Importanti ferm li bħala pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ningħaqdu flimkien f’diversi oqsma sabiex nużaw ir-riżorsi li għandna b’mod kollettiv fir-riċerka u l-innovazzjoni,” temm jgħid is-segretarju parlamentari.

Sport