Saturday, December 21, 2024

Ir-riforma fil-liġi li tirregola t-Temping Agencies wasslet biex inqas minn kwart tan-numru oriġinali tal-operaturi llum jinsabu joperaw

– Il-PM f’laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget mal-UĦM

Aqra wkoll

“Grazzi għar-riforma li saret, illum il-ġurnata hawn inqas minn kwart tal-operaturi tat-Temping Agencies kollha qabel ġew irregolati, li qed joperaw.”

Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget mal-UĦM Voice of the Workers.

Laqgħa ta’ konsultazzjoni li fiha ddominat diskussjoni dwar id-drittijiet tal-ħaddiema f’pajjiżna u kif dawn għandhom jibqgħu jiġu mtejba mhux biss fil-Budget li ġej iżda anke lil hinn minn hekk.

Fid-diskussjonijiet il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif il-Gvern qed ikun proattiv u jindirizza dan fejn hemm bżonn u mhux jistenna l-Budget għas-sena d-dieħla jitħabbar.

Kien hawn li semma r-riforma li rregolat lit-Temping Agencies. Riforma li wasslet biex illum hawn inqas minn kwart tan-numru tal-operaturi tat-Temping Agencies oriġinali joperaw u li qed iwettqu xogħolhom b’konformità ma’ linji gwida u proċeduri li jħarsu r-realtajiet tas-swieq tax-xogħol differenti f’pajjiżna.

“Rajna wkoll li permezz ta’ reviżjonijiet apposta nindirizzaw over-supply ta’ ħaddiema f’ċerti setturi parikolari. Insemmi dawk tal-y-plates u l-food couriers biex fl-istess waqt nipproteġu wkoll il-ħobża ta’ kuljum tal-ħaddiema li ilhom jaħdmu f’dawn is-setturi għaliex over-supply fl-aħħar mill-aħħar jista’ jaffettwa b’mod negattiv ħaddiema li jkunu ilhom stabbiliti f’dan is-settur filwaqt li jinħoloq lok għal abbuż,” sostna wkoll Dr Abela.

Il-Prim Ministru fakkar kif il-Gvern baqa’ jwieżen lill-ħaddiema f’pajjiżna permezz tal-ftehim storiku li wassal għal żieda sostanzjali fil-paga minima, mhux biss issa iżda anke għas-snin li ġejjin. Dan flimkien mas-serħan il-moħħ permezz tas-sussidji minħabba l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-enerġija li assiguraw li min iħaddem jibqa’ għaddej bl-operat tiegħu b’mod normali u l-piż ma jintefax fuq il-ħaddiem.

“Ejja niddiskutu, ejja nħabbtu l-ideat sabiex il-ħaddiema tagħna jibqgħu fuq quddiem tal-prijoritajiet ta’ dan il-pajjiż,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru kien hemm il-Ministri Michael Falzon, Byron Camilleri u Clyde Caruana, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, il-Membru Parlamentari Katya De Giovanni u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.

Ekonomija

Sport