Thursday, November 14, 2024

Ir-riformi fis-saltna tad-dritt mistennija jitressqu fil-Parlament il-ġimgħa d-dieħla

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub Minn MELVIN FARRUGIA, Ritratti u Filmat ALAN SALIBA

YouTube video

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, Edward Zammit Lewis qal li sal-ġimgħa d-dieħla bi ħsiebu jressaq l-abbozz tal-liġijiet, intenzjonati biex jirriformaw is-saltna tad-dritt, ħalli jiġu diskussi fil-Parlament. Hu qal li l-Gvern sema’ x’kellhom xi jgħidu l-Kummissjoni Venezja u anke l-ġudikatura, iżda mbagħad ħa d-deċiżjonijiet li ħass li kien hemm bżonn biex jissaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi ta’ pajjiżna. 

Zammit Lewis qal li l-Kummissjoni Venezja talbet biex tara l-abbozzi tal-liġijiet li qed jipproponi l-Gvern u għalhekk qal li dawn diġà ntbagħtu. Qal li t-test legali mibgħut ma fih ebda sorpriżi u hu bbażat fuq il-kunċetti legali li qablu dwarhom. Għaldaqstant hu jinsab determinat li sal-ġimgħa d-dieħla jressaqhom il-Parlament, ħalli l-proċess tar-riformi jibqa’ għaddej bl-akbar momentum possibbli. Saħaq li hu ma jridx jaqa’ fl-istess nasba tal-Partit Nazzjonalista, li fl-2008 kien għamel kumitat parlamentari u att legali ġdid għall-promozzjoni tad-demokrazija u f’ħames snin baqa’ ma sar xejn. 

Il-Kummissjoni Ewropea tfaħħar l-emendi proposti

Mistoqsi dwar il-fatt li l-Kummissjoni Venezja laqgħet tajjeb l-emendi proposti, il-Ministru qal li l-Gvern ilu mill-2013 jagħmel sforzi kbar biex jgħaddi liġijiet li juru governanza tajba. Semma fost l-oħrajn liġijiet bħal dik tal-Whistleblower, tal-finanzjament tal-partiti (li qal li kienet ilha fuq l-ixkaffa mill-inqas ħames snin qabel l-elezzjoni tal-2013) u l-liġi dwar it-tneħħija tal-preskrizzjoni minn fuq reati ta’ tixħim li jinvolvu politiċi. 

Għalhekk qal li xogħlu kien kontinwazzjoni ta’ dak li diġà sar. Semma kif il-Gvern iddeċieda li jilqa’ l-opinjoni li tat il-Kummissjoni Venezja f’Diċembru 2018, peress li din kienet tat parametri ċari. Min-naħa l-oħra, semma kif il-Prim Ministru Robert Abela talbu biex jgħaġġel ħalli jħejji dawn ir-riformi peress li kien hemm bżonn li jsiru. Il-Ministru għamilha ċara li dawn ir-riformi ma sarux biex bħala pajjiż inkunu konformi ma’ dak li jgħid il-Kunsill tal-Ewropa (li tifforma parti minnu l-Kummissjoni Venezja), iżda għax ċerti riformi jsaħħu d-demokrazija ta’ pajjiżna, itejbu l-governanza u jsaħħu s-saltna tad-dritt.

Zammit Lewis qal li jista’ jkun li f’dan il-vjaġġ il-Gvern se jitlef ċerta setgħat milli kellu, l-iktar il-Prim Ministru nnifsu. Madankollu, hu qal li l-amministrazzjoni mmexxija minn Robert Abela qatt ma ddejqet li titlef il-poteri tagħha, sakemm tkun temmen fir-riformi. Għalhekk qal li ma jaċċettax meta jingħad li Gvern Laburista, aktar u aktar taħt Robert Abela, mhux Gvern riformista, ta’ governanza tajba u tas-saltna tad-dritt. 

Il-Ministru qal li l-Gvern mexa mal-Kummissjoni Venezja bi djalogu strutturat, għax emmen li l-emendi li pproponew kienu tajbin. Madankollu, sostna li fejn il-Gvern ma qabilx, tkellem u spjega għalxiex. Ma naqasx ukoll milli jgħid li wieħed irid japprezza l-isforz ta’ riformi bħal dawn, li qatt ma rajna bħalhom f’pajjiżna minn meta sirna Repubblika ‘l hawn. 

Iż-żmien opportun biex niġġeddu

Mistoqsi għalxiex saru proprju issa, Zammit Lewis qal li minkejja li d-demokrazija tagħna ħadmet u ħafna deċiżjonijiet ittieħdu sew fil-mixja demokratika ta’ pajjiżna, issa wasal iż-żmien li nbiddlu ċerti sistemi peress li llum Malta hi demokrazija moderna u membru fl-Unjoni Ewropea. 

Għalhekk qal li hu importanti li nkomplu niġġeddu, filwaqt li spjega kif anke jekk tħares lejn demokraziji oħra avvanzati fid-dinja, bħall-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Kanada, New Zealand, u anke l-Italja, il-Ġermanja u l-Olanda fl-Ewropa jaġġornaw minn żmien għall-ieħor. Fl-istess waqt, Zammit Lewis iċċara li ħadd qatt ma ħa dan il-pass f’pajjiżna qabel u qal li dan mhux b’kumbinazzjoni. Spjega li dan kollu sar għax kien hemm rieda politika, fejn mill-Prim Ministru ‘l isfel ġie aċċettat li tinqos is-setgħa u d-diskrezzjoni li kien hemm qabel. 

Min-naħa l-oħra, Edward Zammit Lewis semma kif fi kwart ta’ seklu ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti, għalkemm saru affarijiet tajbin bħall-Ombudsman u l-Kunsilli lokali, kellna sitwazzjonijiet fejn il-Prim Ministru kien iqum filgħodu u flimkien mal-Ministru tal-Ġustizzja kien jaħtar avukat bħala imħallef. 

Sostna li kien dan il-Gvern, fl-2016, bis-saħħa tal-amministrazzjoni Joseph Muscat u l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, li għamel l-ewwel riforma, u issa qiegħda ssir riforma oħra akbar minn ta’ qabilha. Madankollu, tenna li l-ewwel pass diġà ttieħed u għalhekk talab biex kulħadd ikun ġust mal-istorja kif ġrat. 

Zammit Lewis qal li issa nħass il-bżonn li jsiru dawn ir-riformi u ma  eskludiex li jista’ jkun hemm oħrajn fil-futur. Qal li bħalissa se jiġu diskussi dawn l-għaxra partikolari, iżda l-Gvern se jibqa’ jitkellem mal-Oppożizzjoni u anke mal-President, li mistenni jniedi wkoll il-Konvenzjoni Kostituzzjonali biex tiġi diskussa fost is-soċjetà ċivili.   

Il-Ministru semma wkoll li saret konsultazzjoni kbira dwar dawn ir-riformi, fosthom anke ma’ individwi bħall-avukat Franco Debono u l-Professur Kevin Aquilina, li qal li taw kontribut kbir għal dan id-dibattitu. Qal li mhux dejjem qablu, iżda dan kollu wassal għal dibattitu b’saħħtu. 

Ċerti proposti tal-Kummissjoni mhux addattati għal Malta

Inewsmalta staqsiet ukoll lill-Ministru dwar ċerti proposti li saru mill-Kummissjoni Venezja u li ma ġewx milqugħin. Il-Ministru spjega li pajjiżna hu sovran u dak li qed jagħmel mhux qed jagħmlu għax qaltlu l-Kummissjoni Venezja. Spjega li l-Gvern Malti ħass li l-opinjoni li tat din il-kummissjoni kienet tajba għall-iżvilupp tad-demokrazija f’pajjiżna u għalhekk hu ħass li kellu juża dawn il-parametri bħala bażi. 

Madankollu, il-Ministru qal li la hu u lanqas il-Gvern Malti mhuma pappagalli u għalhekk fejn ma qablux jew inkella ma kienx tajjeb għall-interessi tagħna, allura ma sarx. Fil-fatt, hu qal li ż-żewġ eżempji li tipproponi l-Kummissjoni Venezja ma jagħmlux sens għal pajjiżna. Eżempju, hu qal li fir-rigward tal-ħatra tal-Prim Imħallef, Malta mhix bħall-Ġermanja fejn għandek ġuriżdizzjonijiet differenti u l-Prim Imħallef hu parti minn sistema federali. Qal li s-sitwazzjoni f’Malta hi dik fejn għandna ġudikatura ta’ 44 membru u l-Prim Imħallef għandu poter kbir. Qal li biżżejjed li wieħed jgħid li dan qisu lembut, fejn kull kawża jekk tibqa’ miexja tispiċċa quddiemu. 

Barra hekk, il-Ministru semma kif il-Gvern irnexxielu jilħaq ftehim li ħadem mal-Oppożizzjoni dwar il-mod kif jinħatar il-Prim Imħallef u dan seħħ permezz tal-ħatra tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti. Semma li kien hemm vot unanimu fil-Parlament, xi ħaġa li qal li qatt ma ġrat mill-1964 ‘l hawn. Għalhekk Zammit Lewis jemmen onestament li dawn ir-riformi huma l-akbar li qatt iffaċċjat id-demokrazija ta’ pajjiżna u tkellem mal-Kummissjoni Venezja, fejn qalilhom li hu leħaq ftehim mal-Oppożizzjoni u kien se jżomm kelmtu. Qal li hu jemmen li dik hi l-aħjar sistema għax m’hemmx aħjar meta l-Gvern u l-Oppożizzjoni jaqblu.  

Madankollu, il-Ministru qal li bir-riformi li qegħdin isiru, il-politiku ma jrid jidħol f’xejn fil-ħatra, fid-dixxiplina u fit-tneħħija ta’ membri tal-ġudikatura. Għalhekk qal li kif tista’ temmen meta jgħidulek li l-Prim Ministru hu b’saħħtu ħafna, jew inkella li l-Gvern żamm il-poteri, meta neża mill-poteri kollha fuq il-ġudikatura u neża mill-poter li l-Parlament jiddeċiedi dwar tneħħija ta’ maġistrat u imħallef. 

Għalhekk tenna li dawn l-emendi huma b’saħħithom ħafna. Min-naħa l-oħra, hu qal li jinsab konxju li hemm nies li jistaqsu għalxiex dan il-Gvern, li għandu fiduċja ta’ aktar minn 70,000 vot, qed jagħmel dawn ir-riformi proprju hu. Zammit Lewis qal li dawn qegħdin isiru għax il-Gvern jemmen fihom u għax jemmen li b’dawn ir-riformi jista’ jkompli jkabbar l-appoġġ tan-nies. Qal li din hi t-triq ‘il quddiem u saħaq li dan il-Gvern se jerġa’ jkun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja. 

Il-ġudikatura mismugħa… imma l-Parlament jiddeċiedi

Rigward il-ġudikatura, il-Ministru tal-Ġustizzja qal li sema’ x’kellhom xi jgħidu. Spjega kif il-ġudikatura qiegħda hemm biex tiddeċiedi l-kawżi, filwaqt li l-Gvern imexxi u jippromwovi l-liġijiet. Qal li fl-aħħar mill-aħħar għandna l-Parlament, li jekk jaqbel dwar riforma, allura m’għandhiex twaqqafha l-ġudikatura. Saħaq li min-naħa tiegħu hu jipprova jsib it-triq tal-kunsens, iżda qal li l-Gvern xorta se jagħmel dak li jemmen fih mhux biss fir-rigward tal-ġudikatura, iżda f’dak kollu li hemm bżonn biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet demokratiċi ta’ pajjiżna. 

Il-Ministru qal li mhux biss inbniet relazzjoni b’saħħitha mal-Kummissjoni Venezja, iżda qed isir xogħol importanti ħafna wkoll mal-Kummissjoni Ewropea, fejn hu jitkellem regolarment mal-Kummissarju tal-Ġustizzja, Didier Reynders u anke mal-viċi-President tal-Kummissjoni, Vera Jourova fejn jinformaha b’dawn l-iżviluppi. Il-Ministru qal li dawn huma kuntenti għax qed jaraw li Gvern ġdid qed jibni dawn ir-riformi u rapporti tajbin ma’ istituzzjonijiet importanti għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna u għall-ġdid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Semma li qegħdin ukoll jaqblu mar-riformi u qed jaraw li bħala pajjiż qed noħduhom bis-serjetà. 

Min-naħa tal-ġudikatura, Zammit Lewis qal li hemm minn dawn ir-riformi li jaqblu magħhom, filwaqt li hemm punti importanti oħra li ma jaqblux magħhom. Madankollu, hu qal li bħala Gvern jemmnu li din it-triq hi l-aħjar waħda u għalhekk qal li l-Gvern jiddeċiedi, flimkien mal-Parlament li jgħaddi l-liġijiet. Saħaq li l-ġudikatura għandha r-rwol tagħha, li qal li hu japprezzah għax hi imparzjali. Madankollu, hu qal li fl-aħħar mill-aħħar il-Gvern hu obbligat li jara l-kwadru politiku sħiħ ta’ pajjiżna u jara l-interess sħiħ ta’ pajjiżna, mhux biss tal-ġudikatura. Qal li għandu wkoll iċ-ċittadini u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna li jrid jieħu ħsieb. 

Il-Konvenzjoni Kostituzzjonali tal-President

Staqsejna wkoll lill-Ministru dwar il-konvenzjoni kostituzzjonali u jekk din għandhiex x’taqsam ma’ dawn ir-riformi. Min-naħa tiegħu, il-Ministru qal li tkellem mal-President, li baqa’ għaddej bil-proċess tiegħu dwar il-Konvenzjoni Kostituzzjonali. Il-Ministru qal li l-President irrikonoxxa li l-binarju tal-Kummissjoni Venezja mhuwiex il-binarju tal-konvenzjoni kostituzzjonali, filwaqt li rrikonoxxa wkoll li l-pakkett ta’ dawn l-għaxar abbozzi jrid jgħaddi kemm jista’ jkun malajr għax iridu jinħatru imħallfin u maġistrati ġodda biex tkompli tissaħħaħ il-ġudikatura. 

Zammit Lewis qal li s-sistema trid taħtar dawn il-maġistrati u l-imħallfin sal-aħħar ta’ din is-sena u għalhekk irid ikun hemm il-liġijiet f’posthom. Min-naħa l-oħra, hu qal li qed jingħata l-appoġġ kollu loġistiku lill-President biex iniedi l-konvenzjoni kostituzzjonali li tkun miftuħa għas-soċjetà ċivili kollha u fejn kull ċittadin li jrid jista’ jipparteċipa. Saħaq li kemm il-Gvern, u anke l-Oppożizzjoni se jagħtu l-appoġġ kollu. Fil-fatt, qal li min-naħa tal-Gvern hemm hu, li flimkien mas-segretarju parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi u Louis Grech qegħdin jassistu lill-President. 

Madankollu, il-Ministru spjega li fid-diskussjoni tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali se jitkellmu dwar kwistjonijiet li mhux parti minn dawn ir-riformi. Semma bħala eżempji l-kwistjoni li jingħataw aktar poteri lill-President, jekk hemmx drittijiet ambjentali li għandna ninkludu fil-kostituzzjoni u kwistjonijiet oħra li huma aktar wiesa’. Għalhekk qal li hu ma jħossx li kellu jwaqqaf il-proċess għal dawn ir-riformi, għax inkella nispiċċaw nitkellmu ħafna u jsir ftit. 

Il-Ministru qal li fid-diskussjoni hemm ħafna qbil fil-prinċipji ta’ dawn ir-riformi għax huma tajbin u permezz tagħhom il-Gvern se jinża mis-setgħa tiegħu. Għalhekk qal li ma jistax jimmaġina kif l-Oppożizzjoni tista’ ma taqbilx magħhom. Qal li fil-fatt diġà ddikjarat qbil dwar uħud minnhom, filwaqt li hemm oħrajn li l-Gvern irid ikompli jagħmel diskussjoni magħhom. Saħaq li hu jinsab konvint li sakemm il-proposti jaqbdu l-vjaġġ Parlamentari, se jkun hemm qbil anke mal-Oppożizzjoni. 

Appoġġ u rieda politika mill-Prim Ministru

Mistoqsi dwar kif qed joħodha l-Prim Ministru Robert Abela minħabba l-fatt li se jonqsulu s-setgħat, Zammit Lewis qal li dan mhux biss tah l-appoġġ fil-ħatra tiegħu, iżda anke għadu jkompli jappoġġjah f’dawn ir-riforrmi wkoll. Qal li kien il-Prim Ministru nnifsu li semmielu dawn ir-riformi u qallu li jridhom malajr. Għalhekk, il-Ministru qal li dan juri r-rieda politika li kien hemm biex jitwettqu dawn ir-riformi. 

Il-Ministru qal li dak li qed isir ipoġġina mal-pajjiżi l-aktar avvanzati fl-Ewropa, filwaqt li fakkar kif aħna għandna l-aqwa prattiċi fl-Ewropa u fid-dinja fejn jidħlu libertajiet ċivili. Semma kif pajjiżi oħra ilhom snin jiddiskutu u ġab eżempju bl-Italja, fejn iż-żwieġ bejn l-istess sess ilu jiġi diskuss għal snin twal. Qal li aħna għamilna dawn il-liġijiet fi żmien rekord u bħalhom anke dik tal-unjonijiet ċivili, tal-koabitazzjoni, tal-kriminalizzazzjoni tat-terapiji tal-konverżjoni u anke l-liġijiet dwar l-ugwaljanza li qegħdin jiġu diskussi bħalissa. Semma kif fl-Ewropa, l-Equality Directive ilha mwaħħla 11-il sena, u din fiha l-istess prinċipji li qegħdin ngħaddu aħna fil-Parlament. Għalhekk qal li aħna se nerġgħu nkunu l-ewwel biex ngħaddu liġijiet bħal dawn. Min-naħa l-oħra, Zammit Lewis qal li kien hemm affarijiet oħra li konna waqajna lura u allura nammettu fejn żbaljajna u minn hemm nimxu ‘l quddiem. 

Hu spjega li l-politika li kollox tajjeb mhix tajba. Iżda min-naħa l-oħra qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandux kredibilità f’dan is-suġġett, għax ma jistax jikkritika liġi dwar il-finanzjament tal-partiti meta kellu tant żmien u m’għamilhiex. Qal li lanqas ma jista’ jikkritika l-liġi tal-koabitazzjoni meta kellu tant familji jokorbu li m’għandhomx regolamentazzjoni u m’għamilhiex f’25 sena. Bl-istess mod, qal li lanqas ma tista’ tgħid li int favur li tagħti aktar poteri lill-President meta fi kwart tas-seklu int m’għollejtx difrejk. 

Għalhekk, il-Ministru tal-Ġustizzja qal li rridu nħarsu ‘l quddiem, fejn permezz ta’ dawn ir-riformi mhux biss għandu jkollna demokrazija aħjar, iżda l-istituzzjonijiet se jkunu aktar effettivi mhux biss fuq il-karta. Saħaq li permezz ta’ dawn il-liġijiet qegħdin jiġu allokati baġits ferm akbar, kemm għall-FIAU, għall-Pulizija, għall-Avukat Ġenerali u anke għall-Asset Recovery Bureau. Qal li dawn huma istituzzjonijiet li rridu nlaħħmuhom u għalhekk sostna li ma’ dawn il-liġijiet sar ukoll budgeting u pjani ta’ kif iridu jsiru l-affarijiet. Zammit Lewis qal li dan kollu sar fl-istess waqt li fil-jiem li ġejjin se jitressqu riformi oħra fil-Parlament u li ġew approvati mill-Kabinett. Qal li dawn ir-riformi se jbiddlu ċerti strutturi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, fil-kriminalità organizzata u fil-finanzjament tat-terroriżmu. Saħaq li dan hu kollu xogħol li sar mill-Ministri Byron Camilleri u Edward Scicluna, li flimkien miegħu u mal-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar, ħadmu bħala tim u qed jimxu ‘l quddiem biex ikomplu jtejbu lil pajjiżna. 

Ekonomija

Sport