Sunday, December 22, 2024

IR-RUĦ SOĊJALI TAL-BUDGET 2022

Aqra wkoll

It-Tnejn li għadda ġie ppreżentat il-budget għas-sena 2022. Budget bit-tema ta’ “Malta li rridu għal uliedna.” Budget b’saħħtu, Budget b’viżjoni ċara, Budget li jirrifletti l-ħtiġijiet u l-ambizzjonijiet tan-nies li niltaqa’ magħhom kuljum. Budget għal Malta li rridu ngħixu fiha llum u wisq aktar għal Malta li wliedna jsibuha b’saħħitha biex pajjiżna jkompli jikber u jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. Fuq kollox budget li joħloq bilanċ bejn il-bżonn ta’ ekonomija b’saħħitha ispirata mill-ekonomija l-ħadra, is-settur diġitali u tal-innovazzjoni u l-ħtiġiet soċjali tal-poplu Malti. Il-budget imħabbar nhar it-Tnejn li għadda huwa wieħed ġust, li jistimola, li jinċentiva u li jħares ’il quddiem. 

Il-budget imħabbar nhar it-Tnejn ma jiffokax fuq it-tkabbir ekonomiku, iżda l-iżvilupp ekonomiku, li jinkorpora kwalità tal-ħajja aħjar, qasam soċjali aħjar, u ambjent aħjar għall-pajjiż kollu. Tassew, dan huwa budget kif sew deskritt mis-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union bħala wieħed soċjalment kuraġġjuż li se jkompli jibni fuq il-qafas soċjali ta’ budgets imgħoddija. Huwa ghalhekk li f’dan il-budget il-Gvern se jkun qed iwieżen l-iktar bil-kumpens tal-għoli tal-ħajja, l-aktar lil min jiflaħ inqas. Iż-żidiet għall-għoli tal-ħajja se jingħataw l-aktar li min huwa milqut minn żidiet fil-prezzijiet li qegħdin jolqtu lil pajjiżna u pajjiżi oħra sforz iċ-ċirkostanzi li sabet ruħhom fiha id-dinja. F’dan il-budget ukoll il-gvern qed itenni l-impenn tiegħu li l-kumpens għall-għoli tal-ħajja li jagħti l-Gvern, għandu jibqa’ jagħtih il-Gvern u li dan il-kumpens għandu jmur lejn min hu l-aktar fil-bżonn. Huwa għalhekk li l-pensjo- nanti se jkunu qed jerġgħu jieħdu żieda oħra. 

Is-sens ta’ ġustizzja soċjali ta’ dan il-budget hija riflessa wkoll fl-introduzzjoni tal-prinċipju li l-ħaddiema tal-kuntrattur jibdew jitħallsu doppju tal-Ħdud li jaħdmu kif ukoll permezz tat-taxxa fuq is-sahra Ii se tinżel għal 15% għal dawk li jaqilgħu sa massimu ta’ €10,000. Ma’ dawn hemm ukoll li t-taxxa fuq ix-xogħol part-time se tinżel minn 15% għal 10% kif ukoll li l-ħinijiet tal-ftuħ taċ-ċentri tac-child care se jkunu estiżi għall-benefiċċju ta’ min jaħdem wara l-ħinijiet normali tax-xogħol. Dawn il-miżuri se jkomplu jinċentivaw ix-xogħol u dħul aktar għall-ħaddiema. 

Miżura ewlenija li tħabbret fil-Budget għas-sena 2022 kienet dik ta’ trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd. Mill-ewwel ta’ Ottubru tas-sena d-dieħla, il-Gvern se jibda jipprovdi trasport pubbliku b’xejn għal kull Malti u Għawdxi u nies residenti f’Malta u f’Għawdex. Din il-miżura se tagħmel lil Malta t-tieni pajjiż fl-Ewropa fejn it-trasport pubbliku huwa b’xejn. Permezz ta’ din il-miżura, ħaddiema li ta’ kuljum jagħmlu użu mit-trasport pubbliku se jiffrankaw ’il fuq minn €300 fis-sena. 

Dan huwa tassew budget li jħares ir-ruħ soċjali ta’ pajjiżna filwaqt li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Huwa stmat li l-miżuri mħabbra se jkun qed jgħin madwar tliet mitt elf persuna, madwar sittin fil-mija (60%) tal-popolazzjoni ġenerali, b’miżuri firxa li se jkunu qed itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ diversi persuni u familji. 

Dan kollu qed jiġi offrut lil kull wieħed u waħda minna minkejja d-daqqa ekonomika tal-pandemija u minkejja l-pressjoni li għandu l-gvern biex jiggarantixxi pajjiż b’saħħtu u li jkompli jikber. Dan kollu ġie mħabbar għax għal darb’oħra l-valuri tal-gvern laburista se jkunu instrumentali f’dan il- baġit, b’miżuri soċjali li jħarsu lejn l-interessi tal-familji u l-ħaddiema, kif ukoll lejn l-interessi tal-minoranza, l-anzjani u l-pensjonanti. 

Dan huwa l-Gvern Laburista. Gvern b’impenn biex pajjiżna jħaddan il-kunċett ta’ ġustizzja soċjali u biex verament inwittu t-triq għal Malta ta’ għada. Dan huwa għalfejn fil-vjaġġ politiku tiegħi qed nikkontribwixxi biex in-nies tal-ewwel u t-tielet distrett ikomplu jgawdu mill-iżvilupp soċjali ta’ pajjiżna. Dan huwa għalfejn qed naħdem bla qatigħ biex il-Partit Laburista jkompli jkun l-għażla naturali għal kull Malti u Għawdxi fl-elezzjoni li jmiss. 

Ekonomija

Sport