Sunday, November 24, 2024

Ir-Russja takkuża lill-Ukrajna li wettqet attakk permezz tad-drone f’Moska

Aqra wkoll

Ir-Russja akkużat lill-Ukrajna li kienet hi li wettqet l-attakk permezz ta’ drone, li għamel ħsara lil diversi binjiet f’Moska, aktar kmieni it-Tnejn filgħodu.
Il-Ministeru tad-Difiża Russu qal li żewġ drones iġġarrfu. Huwa żied jgħid li minkejja l-attakk, ma kien hemm l-ebda vittmi.

F’messaġġ li bagħat fuq il-midja soċjali, il-Ministeru tad-Difiża Russa qal li; “twaqqaf attentat tar-reġim ta’ Kyiv biex jiwettaq att terroristiku bl-użu ta’ żewġ drones fit-territorju tal-belt ta’ Moska,”.

Dan filwaqt li, l-aġenzija tal-aħbarijiet Russa irrappurtat li wieħed mid-drones waqa’ qrib il-Ministeru tad-difiża. Is-Sindku ta’ Moska Sergei Sobyanin, qal li l-attakki bid-drones laqtu bini mhux residenzjali għall-ħabta tal-4:00 a.m. u li l-binjiet ma ġarrbux ħsarat estensivi.

Aktar kmieni dan ix-xahar, ir-Russja qalet li l-Ukrajna wettqet attakk premezz tad-drones fuq Moska, u li minħabba dan kollu diversi titjiriet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Vnukovo kellhom jiġu kkanċellati.

F’Mejju li għadda, Kyiv ċaħdet li wettaq attakk ta’ drones fuq il-Kremlin, li r-Russja qalet li jammonta għal attentat fuq il-ħajja tal-President Vladimir Putin.

Sport