“L-għanijiet tal-attakk li seħħ matul il-jum tal-Milied kienu suċċess.” Hekk qal il-Militar Russu wara li matul il-lejl tefa’ xita ta’ bombi fuq diversi bliet fuq l-Ukranja.
Il-Ministru tad-Difiża Russu qal li l-forzi tal-pajjiż “wettqu attakk kbir permezz ta’ missili u anke drones fuq infrastruttura kruċjali fl-Ukranja fosthom fuq kumpless li jipprovdi l-enerġija fil-pajjiż.”
B’kollox il-forzi Russi tefgħu 184 missila fuq l-Ukranja. Dan hu meqjus bħala wieħed mill-akbar attakki li wettaq il-Gvern Russu minn meta bdiet il-gwerra.
Intant il-Gvern tal-Moldova qal li r-Russja kisret il-liġi internazzjonali meta l-missili għaddew minn fuq l-ispazju tal-ajru tal-pajjiż u dan sar mingħajr l-ebda permess.
L-ewwel rapport qegħdin jgħidu li hemm mijiet kbar ta’ persuni li nqatlu madwar l-Ukranja kollha. Oleg Sinegubov, Kap tal-Amministrazzjoni tar-Reġjun ta’ Kharkiv qal li aktar minn nofs miljun persuna jinsabu bla elettriku u għalhekk m’għandhomx biex isaħħnu djarhom f’dawn il-jiem ta’ kesħa kbira.
“Qegħdin nagħmlu dak kollu posibbli biex tal-inqas fid-djar jerġa’ jkun hemm is-sistemi li bihom in-nies ikunu jistgħu jsaħħnu djarhom,” ġie kwotat jgħid Oleg.