Tuesday, April 30, 2024

Ir-Russja żżid is-sigurtà fil-pont tal-Krimea  

Aqra wkoll

Ir-Russja żiedet sostanzjalment is-sigurtà fil-pont tal-Krimea wara li splużjoni qawwija kissret partijiet minn dan il-pont. Min-naħa tiegħu l-President Vladimir Putin ordna lis-Servizz Federali tas-Sigurtà (FSB) biex jgħasses dan il-pont li huwa l-uniku konnessjoni li tgħaqqad lir-Russja mal-Krimea. Apparti kollox, dan il-pont huwa wkoll simbolu ta’ meta r-Russja ħalet lill-Crimea minn idejn l-Ukrajna fl-2014. 

Min-naħa tagħhom l-uffiċjali Russi qalu li f’din l-isplużjoni tilfu ħajjithom tliet persuni u x-xogħol ta’ tiswiet se jkun qiegħed jibda immedjatament. Matul l-aħħar sigħat għadd ta’ għaddasa Russi kienu qed janalizzaw il-ħsarat li hemm f’din l-istruttra biex b’hekk ix-xogħol ikun jista’ jibda malajr kemm jista’ jkun.  

Il-midja tar-Russja kienet iddeskriviet il-bini ta’ dan il-pont bħala “l-kostruzzjoni tas-seklu”. Dan huwa arterja kruċjali għar-Russja għax minnu jitwassal l-apparat militari, munizzjon u anke truppi lejn in-Nofsinhar tal-Ukrajna. Dan il-pont huwa twil 19-il kilometru u kien infetaħ b’pompa kbira erba’ snin wara li Moska kienet annessat lill-Krimea. Minħabba li dan il-pont qiegħed jilgħab rwol strateġiku fil-gwerra, l-awtoritajiet Ukreni qalu li dan jagħmlu mira leġittima hekk kif l-Ukreni huma determinali li jerġgħu jieħu din il-peniżola lura.  

Ta’ min jgħid li s’issa ma kien hemm l-ebda dikjarazzjoni mill-uffiċjali Ukreni li huma kienu wara dan l-attakk. Dwar dan il-każ, il-President Ukren Volodymyr Zelensky għadda messaġġ sottili ħafna fid-diskors li jagħmel ta’ kuljum. F’dan id-diskors Zelensky qal li, “illum ma kinitx ġurnata ħażina, fil-maġġoranza tagħha xemxija fit-territorju tagħna… sfortunatament fil-Krimea kien imsaħħab ħafna, minkejja li kienet is-sħana.”

Wara l-attakk, l-awtoritajiet Russi malajr reġgħu fetħu l-partijiet tal-pont li ma kinux mittiefsa u sa tard is-Sibt filgħaxija l-pont kienet parzjalment miftuħ għall-karozzi u ferroviji. Min-naħa tiegħu l-gvernatur tal-Krimea Sergei Aksyonov qal li, “is-sitwazzjoni hija waħda li tista’ tiġi kkontrollata – mhix feliċi imma mhix fatali”. Huwa qal li l-peniżola tal-Krimea għandha provvista ta’ xahar fjuwil u iktar minn xahrejn ikel.

Sport