Thursday, April 18, 2024

Ira Losco ma teskludix li terġa’ tieħu sehem fil-Eurovision Song Contest

Tisħaq dwar il-bżonn ta' aktar apprezament għat-talent lokali

Aqra wkoll

Ira Losco hija kantanta li m’għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni. Irrappreżentat lil Malta darbtejn fil-Eurovision Song Contest fl-2002 u fl-2016 fejn fl-ewwel okkażjoni kienet viċin ħafna li tirbaħ ukoll.

Għandha repertorju ta’ diski verament tajbin u biż-żmien u b’ħafna dedikazzjoni, xogħol, paċenzja u sagrifiċċju laħqet livelli verament għoljin.

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Ira nnifisha fejn saqsejniha dwar il-karriera tagħha li issa ilha aktar minn 20 sena u xi kurżitajiet oħra dwarha.

Kif bdiet l-imħabba tagħha lejn il-mużika?

“Tista’ tgħid li minn dejjem kont dilettanta tal-mużika. Ir-radju dejjem jixgħel id-dar u jien minn dejjem kont inkanta mal-mużika sabiħa li jien kont inħobb. L-iskola wkoll kont ninvolvi ruħi għax il-palk minn dejjem għoġobni. Fuq it-televiżjoni wkoll kont insegwi l-videos mużikali tal-artisti u kantanti favoriti tiegħi. Dak iż-żmien YouTube ma kienx jeżisti u għalhekk bħala żgħażagħ konna nistennew li jasal il-ħin ta’ filgħaxija biex naraw dak li nħobbu.”

Tkellimna ma’ Ira dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-Eurovision Song Contest tas-sena 2002. Dak iż-żmien hi ħadet sehem bil-kanzunetta Seventh Wonder fejn spiċċat fit-tieni post, 12-il punt biss bogħod minn Marie N li eventwalment rebħet il-festival.

“Is-sena 2002 għalija kienet sena kbira minħabba li għalija kienet l-ewwel darba li ħadt sehem f’festival ta’ livell għoli ta’ din ix-xorta. Kienet esperjenza sabiħa u l-emozzjonijiet li ħassejt kienu verament kbar. Tgħallimt ħafna minn din l-esperjenza li naturalment għadni nġorrha miegħi sal-lum il-ġurnata.”

Sadanittant, 14-il sena wara, eżattament lura fl-2016, Ira Losco ħadet sehem għat-tieni darba f’dan il-festival internazzjonali hekk prestiġġjuż bil-kanzunetta Walk On Water. Saqsejniha x’rat differenti minn dik l-esperjenza għal dik li esperjenzat it-tieni darba. 

“Ċertament li t-tieni esperjenza kienet itqal minħabba li n-numru ta’ pajjiżi żdiedu u kelli pressjoni kbira fuqi hekk kif ħafna bdew jistennew li jien kont se nirbaħ il-festival. Dan kollu ma kienx xi ħaġa faċli minħabba li l-kompetizzjoni kienet kbira u niftakar li kien hemm madwar għaxar kanzunetti li kienu ta’ livell għoli. Kont kuntenta li għaddejt mis-semi-finali għall-finali ta’ din il-kompetizzjoni. Spiċċajt fit-12-il post iżda kif għedtlek kien hemm ħafna kanzunetti ta’ livell.”

“Madankollu jien żammejt professjonali kemm nista’ u tajt il-mija fil-mija tiegħi. Fuq kollox, hu dejjem ta’ unur li nirrappreżenta lil pajjiżi f’palk daqshekk prestiġġjuż.”

Ira tgħid li l-Eurovision Song Contest hu festival ferm stramb fejn it-trend dejjem tinbidel u fejn dejjem tinzerta xi stil ġdid li bħal donnu kulħadd jipprova jimita. Il-preferenzi lejn xi ġeneru mużikali dejjem jinbidlu u għalhekk bħalma tgħid hi stess, diffiċli taqbad irkaptu tiegħu.

Fuq kollox, dan il-festival hu ta’ pjattaforma kbira għal kull kantant u kantanta li jaspiraw li jilħqu livell ogħla għalkemm bħalma qalet hi mhux kulħadd jagħtih l-istess importanza.

Iżda li kieku Ira Losco tingħata ċ-ċans, terġa’ tipparteċipa f’dan il-festival?

“Ħa ngħidlek jien mhux dik it-tip ta’ persuna li l-ewwel ngħid le u mbagħad ndawwar fehmti skont kif jaqbilli. Ma nistax niċħad li kieku ningħata ċ-ċans, abbli naċċetta għax fil-ħajja ma tridx tagħlaq l-ebda bieb. Ma nistax ngħid li bilfors se nieħu sehem bħala kantanta. Min jaf forsi niddeċiedi li nkun kantawtriċi? Iż-żmien jagħtina parir!”

Ix-xena mużikali Maltija, skont Ira Losco għandha bżonn terġa’ tiġi apprezzata speċjalment wara l-pandemija tal-COVID-19 li ħarbtet sew ix-xogħol ta’ kantanti u artisti li kellhom iqattgħu xhur sħaħ mingħajr ma jagħmlu dak li jħobbu.

“Hemm bżonn li l-arti tiġi kkunsidrata bħala importanti. Bħalissa qed ikun hawn ħafna promozzjoni dwar l-isport li hu tajjeb ħafna wara kollox. Iżda wieħed ma jridx jinsa l-arti u l-mużika li hi wkoll espressjoni ta’ kif il-bniedem iħares lejn il-ħajja. Wieħed m’għandux jinsa li mingħajr il-mużika u l-arti, il-ħajja tkun monotona!”

“Nemmen li l-awtoritajiet qed jagħmlu l-almu tagħhom sabiex itellgħu diversi produzzjonijiet u festivals sabiex iżidu aktar opportunitajiet għall-kantanti madankollu jista’ jsir iktar.”

Hi tgħid li bejn is-snin 2003 u 2007 kien intlaħaq livell tajjeb ħafna tal-mużika Maltija hekk kif diversi radjijiet lokali kienu jdoqqu ħafna diski minn gruppi u kantanti Maltin. 

Madankollu f’dawn l-aħħar snin kien hemm xi ftit nuqqas ta’ dan kollu, xi ħaġa li ma tantx hi sabiħa.

Saqsejna lil Ira kemm artist jew artista Maltija hi stmata meta ikollha kunċert f’pajjiżna kkomparat ma’ kif nilqgħu kantant barrani.

“Ħa ngħidu hekk, b’xorti tajba l-livell ta’ mużika lokali qed dejjem tiżdied minħabba li l-gruppi u kantanti Maltin qed ifittxu d-dettall sabiex il-produzzjoni tagħhom tkun tal-ogħla livell. Madankollu hemm bżonn ta’ iktar apprezzament għax dawn in-nies jagħmlu sagrifiċċji kbar sabiex joħorġu materjal tagħhom.”

Ira Losco hi kantanta, omm u edukatriċi. Iżda kif jirnexxielha tlaħħaq ma’ dawn l-affarijiet kollha?

Hi tgħid li importanti li jkun hemm is-sapport tal-familja minħabba li l-għajnuna hi ferm importanti. Barra minn hekk, hi tikkonsidra lilha nnifisha bħala waħda li tippjana bir-reqqa kull dettall. B’hekk kif tgħid hi, dejjem tkun lesta għall-battalja.

Saqsejna lil Ira Losco dwar kif tara l-futur tagħha.

“Nixtieq nikteb mużika ġdida u bħalissa ninsab għaddejja lesta biex fil-futur mhux ‘il bogħod noħroġ materjal ġdid. Ovvjament diffiċli naqta’ l-palk bħala kantanta u sakemm il-Bambin itini s-saħħa, għandi f’moħħi li nkompli nkanta.”

Finalment tlabna lil Ira Losco sabiex tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li bħalha jixtiequ jagħmlu suċċess fil-mużika.

“Il-mużika hi xi ħaġa verament sabiħa li tagħmel il-ħajja pożittiva u armonjuża. Jekk hemm barra hawn tfal u żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-mużika, inħeġġiġhom biex jippruvaw. L-importanti hu li temmen fik innifsek u qatt ma tinsa minn fejn bdejt! Jien dejjem niftakar fl-għeruq tiegħi u dejjem żammejt saqajja mal-art. Ġeneralment min tikbirlu rasu, bħalma ġieli jkun hawn, dejjem jispiċċa jnaqqas mis-suċċess.”

Ekonomija

Sport