Thursday, December 26, 2024

“Irnexxielu” … l-Afgan li qabeż għalih suldat Amerikan qed jistenna titjira biex jitlaq

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Irnexxielu”.  Dan hu l-kumment li ngħata hekk kif sar magħruf li l-ħidma li kienet għaddejja minn Ryan Schalles, suldat Amerikan li kien serva fl-Afganistan ħalliet il-frott u Omar li kien ħadem bħala interpretu fi żmien meta Ryan serva fl-Afganistan, fl-aħħar irnexxielu jiddaħħal fl-ajruport u kien qed jistenna li jirkeb ajruplan biex jinħareġ barra l-Afganhistan.

Fil-kumment tiegħu Ryan, li ħadem bla heda biex Omar jinħareġ u din turi l-ħbiberija li żviluppat bejn suldati Amerikani u Ewropew u persuni Afgani,  jiddikjara li “kuntent ħafna. Omar, il-mara tiegħu u żewġ uliedu jinsabu siguri fl-ajruport ta’ Kabul, jistennew li jitilqu mill-Afganistan”.

Ma jafx fejn se jittieħed… imma grat li nħareġ biex jibda ħajja ġdida

Ovvjament il-mistoqsija li tiġik f’moħħok hi fejn se jittieħed.  Din hi mistoqsija li għaliha m’hemmx tweġiba. Għal dan Ryan iwieġeb li “ma jafx fejn se jittieħed. M’hemm ebda ħjiel it-titjira għal fejn hi d-destinazzjoni. Biss li nista’ ngħid hu li Omar hu kuntent ħafna u grat għall-appoġġ kbir li residenti fl-Istati Uniti taw fil-kawża tiegħu u ta’ familtu. Nista’ ngħid dak li qal lili “finalment seħħet. Nirringrazzjakom”.

Xejn ma kienet faċli… raqad f’għalqa barra l-ajruport

L-aħħar sigħat ta’ Omar, li konna qed insegwuhom mill-qrib xejn ma kienu faċli. Wara li kien mistoħbi f’Kabul, hu ddeċieda li jersaq qrib l-ajruport. Għal għadd ta’ sigħat hu kellu joqgħod ġo għalqa qrib l-ajruport. Filfatt huma spiċċa raqdu l-lejl f’din l-għalqa.  Meta ra li n-nies mal-gradi kienu naqsu hu ttanta jersaq ‘lhemm.

Biss sab li ħadd ma kien qed jitħalla jidħol fl-ajruport. Agħar minn hekk fi kliemu stess it-Talibani kienu qegħdin iduru grada grada ifittxu n-nies. Omar kien wieħed minn dawk li spiċċa ġie mistoqsi għadd ta’ domandi mit-Taliban.  Iddeċieda li biex ikun aktar sigur, ikun aħjar jekk iwarrab. Hu ddeċieda li jagħmel dan sakemm l-ajruport jerġa’ jiftaħ.  Hu kellu t-tama li jista’ joħroġ b’familtu għax kien spiċċa iddaħħal fuq il-lista tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan ta’ dawk il-persuni li kellhom jinħarġu.

Għal ammont ta’ sigħat spiċċa kellu jerġa’ jistaħba waqt li s-sitwazzjoni f’Kabul dejjem sejra għall-agħar. 

L-istorja ta’ Omar… marin Amerikan jaħdem bla heda biex jipprova joħorġu mill-Afganistan

Wieħed mis-suldati li kien għaddej ħidma biex joħroġ wieħed mill-interpreti li ħadem miegħu meta serva fl-Afganistan hu Ryan Schalles.  Ryan qed ikun appoġġjat minn suldati oħra Amerikani biex joħorġu lil dan l-interpretu, lil martu u liż-żewġ uliedu mill-Afganistan.

Ryan Schalles jitkellem b’mod ċar. Iħeġġeġ kemm jista’ jkun nies ixerrdu l-messaġġ biex jinħareġ dan l-interpretu. Finanzjarjament ma’ damux ma inġabru biżżejjed flus u intbagħatu lil “Omar”, l-interpretu li kien jaħdem magħhom. 

Ryan jgħid li “jien kont mibgħut l-Afganistan fis-sena 2012.  Hemmhekk sirt naf lil Omar. Illum dan l-interpretu qed ifittex l-ażil.  Jien u membri oħra tal-platoon għamilna applikazzjoni f’ismu. Għandna l-appoġġ ta’ żewġ membri tal-Kungress u anke l-appoġġ tal-“Platoon Leader . Li nafu hu li hekk kif it-Taliban bdew jieħdu kontroll, dawn bdew joqtlu l-interpreti li kienu qed jaħdmu mas-suldati Amerikani.  Qed nippruvaw noħorġuh minn hemm, lilu u lil familtu. 

Omar tani l-permess nuri r-ritratti tiegħu… irringrazzja tal-għajnuna finanzjarja li rċieva

Ryan jgħid li “aħna li qed naħdmu biex noħorġu lil Omar mill-Afganistan, irċevejna diversi għajnuniet.  Kien u diversi dawk li tawna għotjiet finanzjarji u dawn għaddejnihomlu. Id-dettalji ta’ Omar u familtu għandhom jitpoġġew fuq lista’ ta’ nies li se jkunu evakwati. Omar imma għadu qed jistenna li jirċievi in-notifika mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan. Qegħdin nittama, għalkemm kawti li jkun hemm soluzzjoni. Se nibqgħu naħdmu biex min jista’ jgħinnha noħorġuh minn hemm. Minn naħa tagħna bagħtnielu flus biex ikun jgħix bihom fil-perjodu li jinħareġ mill-Afganistan. Għalissa Omar u familtu jinsabu f’post sigur”.

Omar ma rnexxielux iġib visa għax l-ambaxxati kollha għalqu hekk kif it-Talibani daħlu f’Kabul

Ryan ikompli jgħid li “minħabba li t-Talibani ħadu Kabul u ftit qabel sar magħruf li l-President tal-pajjiż kien ħarab mill-pajjiż, Omar kien ipprova jġib visa biex b’hekk hu u familtu ikunu jistgħu joħorġu. Dan it-tentattiv iżda falla għax minħabba t-tensjoni li kien hemm f’Kabul, l-ambaxxati ma’ fetħux. L-ajruport ingħalaq ukoll. Omar u familtu spiċċaw maqbudin hemm.”

Il-kuntatt xejn ma kien faċli imma Omar jinforma lil Ryan li kemm hu u kemm familtu jinsabu ħajjin u qegħdin jistaħbew. Jinfurmaw li minn dak li semgħa, it-Talibani kienu qatlu xi interpreti. Omar u familtu maru l-ajruport iżda sabu kaos sħiħ”

Ryan, jispjega li “Omar qalli li t-Talibani qed iduru bieb bieb. Qed ifittxu n-nies fl-appartamenti. Qed iniżżlu l-ismijiet. La darba jitilqu is-suldati Amerikani massakru se jkun hemm. Dawn il-persuni se jinqatlu”, jisħaq Ryan.

Omar jgħid li mindu it-Talibani ħadu Kabul, is-sitwazzjoni kienet waħda terribbli.  “In-nies qed  jgħixu fil-biża’.  Qed nibża’. Il-biża’ tiegħi hi dik li jiġu jħabbtu fuq il-bieb tagħna u joqtlu lili u lil familti.  Ma nibżax li joqtlu lili. Ninkwieta għal mara u t-tfal. Nibża’ li joqtluhom quddiem għajnejja.”

Ryan Schalles, kellu biss 19-il sena meta intbagħat fl-Afganistan eżattament  fil-provinċja ta’ Helmand.  Ryan jiddeskrivi lil Omar bħala persusna dħuli ħafna, jiċċajta, b’passjoni biex jara titjib fl-Afganistan u fuq kollox musulman prattikanti.  Omar kien ġie mikri minn kuntrattur partikolari biex iservi ta’ interpretu għas-suldati Amerikani. 

Ittri ta’ rakkomandazzjoni biex jinħareġ

Minħabba l-fatt li hu jinsab maqbud fil-kapitali Afgana,  diversi kollegi oħra li ħadmu miegħu, kitbu ittri ta’ rakkomandazzjoni. Huma jiddeskrivuh bħala ‘eżemplari’, ‘interpretu ta’ valur’, ‘kien ta’ ispirazzjoni għal intepreti oħra’. 

Rakkomandazzjoni mill-aktar pożittiva dwaru saret mill-eks Kurunell. ta’ Ryan Schalles, Lucas Balke. Hu jiddeskrivieh bħala ‘ħaddiem li poġġu lilu nnifsu f’riskju f’raids u patrols f’Helmand”. Jiddikjara li mingħajr is-servizzi tiegħi il-missjoni tagħhom fil-post ma kienx ikollha is-suċċess li kisbet.  “Omar, serva b’mod onorabbli spalla ma’ spalla mas-suldati tiegħi”, jgħid l-ekss Kurunell.

Ilu seba’ snin li applika għall-ażil… m’aċċettawhielux minħabba teknikalità

Minħabba li l-Istati Uniti ilha snin tnaqqas is-suldati mill-Afganistan, Omar kien twaqqaf minn xogħlu fis-sena 2012, ftit wara li Ryan Schalles, ħalla l-Afganistan.

Ryan baqa’ f’kuntatt ma’ Omar u kien proprju fis-sena 2013, li Omar staqsa lil Schalles biex jgħinu japplika għal Special Immigrant Visa. 

L-applikazzjoni tiegħu damet snin pendenti u imbagħad ġiet rifjutata minħabba teknikalità. Din kienet li għal 32 jum ma laħaqx ir-rekwiżit biex ikun jista’ jieħu l-iSpecial Immigrant Visa.

Ryan Schalles, jesprimi ir-rabja tiegħu għal dan u jgħid li “jien servejt għal sitt xhur fl-Afganistan. Jien meqjus bħala suldat veteran.  Għal dan għandi ħafna benefiċċji.  Omar għamel id-doppju tiegħi bħala żmien. Imma hu ma ħa xejn.” 

Minkejja din is-sitwazzjoni Omar u Ryan ma waqfux jaħdmu biex isibu mezz ieħor kif Omar jinħareġ mill-Afganistan. Kull ma ppruvaw ma ħadimx. 

Kien proprju ftit tal-jiem ilu meta Omar reġa’ tkellem ma’ Ryan u infurmah li dawk li ma ħadux l-iSpecial Immigrant Visa kienu qed jingħataw l-opportunità li japplikaw għal dik li tissejjaħ Priority 2 Designation. Din kienet għal interpreti Afgani. Ryan daħlu b’rasu u ġismu biex jgħinu lil sieħbu. 

Illum iħares ‘il quddiem għal ħajja ġdida

Issa Omar u familtu qed iħarsu ‘l quddiem għal futur ġdid. Futur li sa issa għadu imċajpar għax la jaf fejn se jittieħed u lanqas x’hemm lest għalih. M’hemm ebda dubju li jappoġġjah se jkun hemm Ryan u sħabu, suldati Amerikani li kien jaħdem magħhom.

Ekonomija

Sport